Lokali

Fl-ewwel mitt jum Gvern Nazzjonalista se jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja – Bernard Grech

“Fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Nazzjonalista qed nagħti l-kelma tiegħi li nindirizzaw l-isfida maġġuri tal-għoli tal-ħajja, li nagħmli liġi fil-kostituzzjni li l-ambjent isir dritt fundamentali tal-bniedem, li nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet rakkomandati mill-inkjesta pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li nfasslu konferenza nazzjonali b’rabta mal-poploazzjoni f’pajjiżna u li nagħmlu minn kollox biex inġibu lura l-€400 miljun misruqa mid-deal tal-isptarijiet.” 

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu waqt il-programm Analiżi hekk kif insista li bħalissa huwa biss Partit Nazzjonalista fil-Gvern li jista’ joffri garanzija ta’ ħajja aħjar għal familji Maltin u Għawdxin.

Huwa saħaq li dawn jista’ jwettaqhom Robert Abela, madanakollu l-Prim Ministru daħal f’patt imxajtan li qed ixekklu milli jagħmel dan.

Bernard Grech insista li kawża tal-inkwiet li Abela nnifsu ġab fil-Partit Laburista u sussegwentament fil-Gvern qed jissarraf fi Prim Ministru u Kabinett tal-Ministri mhux iffokati għal ħtiġijiet preżenti tal-pajjiż.

Dan għad-differenza ta’ Partit Nazzjonalista li għaddej b’ħidma ffokata għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li preżentament Abela qed jagħmel minn kollox biex isalva ġildu, fost oħrajn billi juża flus il-poplu biex jagħlaq ħalq ta’ madwaru, fosthom Randolph De Battista li biex jeħles minnu poġġieh ambaxxatur bil-għan li jixtri l-kwiet ta’ dawk li ma jaqblux miegħu.

Bernard Grech saħaq li l-Labour sar piż fuq il-pajjiż u li għandna partit fil-Gvern immexxi minn Prim Ministru dgħajjef quddiem il-klikka ta’ Muscat.

Intant, b’rabta mal-iskandlu tal-ID Cards u n-nuqqas ta’ azzjoni u preżenza minn naħa tal-Ministru Byron Camilleri, Bernard Grech sostna li dawn l-allegazzjonijiet huma inkwetanti iżda aktar inkwetanti l-fatt li l-Ministru huwa totalment assenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kif iċ-ċittaidni jistgħu jafdaw lil Byron Camilleri u insista li jekk il-Ministru ma jistax jiggarantixxi s-sigurtà tal-familji Maltin u Għawdxin għandu jerfa’ responsabbiltà.

Bernard Grech insista li s-silenzju ta’ Camilleri tista’ tfisser ħaġa waħda biss…li dak li kellu jkun suppost fost l-aqwa Ministri tal-Kabinett ta’ Abela…anke hu għandu x’jaħbi.