Il-Viżta Pastorali li se jagħmel l-Isqof Anton Teuma bejn Ottubru 2024 u Mejju 2025 hija l-ewwel waħda minn kemm ilu Isqof ta’ Għawdex, u t-32 waħda minn kemm ilha mwaqqfa d-Djoċesi (1864).
It-tema magħżula għall-Viżta hi “U daħal joqgħod magħhom” (Lq 24:29), silta oħra mill-ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws wara l-Qawmien mill-imwiet, li minnha hu meħud il-motto tal-Isqof u fuqha nbnew ukoll it-temi tal-Pjanijiet Pastorali Djoċesani fl-aħħar snin. Billi l-Viżta se tikkonċidi wkoll mal-Ġublew Ordinarju ċċeleberat universalment fl-2025, bit-tema Pellegrini tat-tama, hija wkoll okkażjoni biex titwassal din l-aħbar ta’ tama lill-familji Nsara Għawdxin.
Il-Viżta hija żjara li l-Isqof Djoċesan jagħmel lill-parroċċi u l-komunitajiet Kattoliċi fit-territorju djoċesan, bl-għan li jistħarreġ il-qagħda tagħhom u jwettaqhom fil-ħajja tal-fidi u l-ħidma tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni.
Għal dan il-għan ukoll, fix-xhur tas-sajf intbagħat kwestjonarju lill-kappillani, sabiex it-tagħrif miġbur ikun ta’ għajnuna għall-Isqof u l-Kummissjoni li se takkumpanjah fiż-żjajjar fil-parroċċi.
Wara li l-Ħadd 22 ta’ Settembru l-Viżta tiġi mħabbra uffiċjalment b’Ittra Pastorali tal-Isqof, il-Ħadd ta’ wara, 29, fis-6.00pm, fil-Katidral tal-Assunta, tiġi miftuħa uffiċjalment waqt Quddiesa Solenni mmexxija mill-Isqof.
Iż-żjajjar fil-15-il parroċċa tad-Djoċesi ta’ Għawdex u f’xi rettorji se jsiru, waħda kull ġimgħa, bejn is-6 ta’ Ottubru u l-24 ta’ Mejju, b’waqfiet għaż-żminijiet liturġiċi qawwija tal-Avvent, il-Milied, ir-Randan u l-Għid.
Qabel kull żjara f’parroċċa, bħala stedina se titqassam bieb bieb kopja tal-Vanġelu ta’ San Luqa (Bibbja Saydon), kif ukoll isir talb fil-komunitajiet għall-frott spiritwali tagħha. Bi tħejjija iktar prossima, fil-jiem immedjati ta’ qabel tiġi ċċelebrata Velja u lejl ta’ adorazzjoni Ewkaristika fil-Knisja parrokkjali.
F’kull parroċċa, il-Viżta tiftaħ b’Quddiesa l-Ħadd filgħodu u tagħlaq b’oħra s-Sibt ta’ wara filgħaxija. Matul dik il-ġimgħa, barra ċelebrazzjonijiet oħra ta’ quddies, ikun hemm laqgħat tal-Isqof u d-delegati tiegħu mal-Presbiterju Parrokkjali, l-Istituti Reliġjużi preżenti f’dik il-komunità, kif ukoll mal-organi prinċipali bħalma huma l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il-Kunsill Ekonomiku, il-Grupp Liturġiku, il-Grupp tad-Djakonija, u l-Kumitati l-oħra rispettivi, kif ukoll ma’ realtajiet pastorali involuti fil-missjoni tal-Knisja u fl-appostolat, fosthom l-animaturi liturġiċi u dawk tal-gruppi, il-katekisti, kif ukoll voluntiera oħra fi ħdan il-parroċċi.
L-Isqof isib il-ħin ukoll jiltaqa’ mad-diversi membri tal-parroċċa waqt il-laqgħat tagħhom, kif ukoll jagħmel żjajjar lill-morda u l-anzjani, waqt li jkun hemm ħin disponibbli għal kollokji personali.
Il-Viżta, kif hu mitlub mil-Liġi tal-Knisja, tinvolvi wkoll l-eżaminazzjoni tal-Arkivju Parrokkjali, il-proprjetajiet, l-opri tal-arti, l-oġġetti sagri u oħrajn li jappartienu lill-Parroċċa, kif ukoll is-superviżjoni tar-reġistri, il-kotba liturġiċi u l-kontijiet finanzjarji.
Wara l-Viżta, li tiġi ddokumentata b’Rapport dettaljat, issir evalwazzjoni kemm mal-Kappillan, il-Presbiterju u l-Kunsill Parrokkjali, imma wkoll mill-kummissjoni li tkun wettqitha, li l-frott tagħha jiġi kkomunikat lil kull parroċċa f’ittra mibgħuta mill-Isqof.
//= $special ?>