Internazzjonali

Gaza: Kamala Harris tikkundanna l-qtil tal-Palestinjani fl-iskola — b’Iżrael jiġġustifika ‘l-attakk fuq faċilità tal-Ħamas’

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Kamala Harris, ikkundannat it-telf tal-ħajja fost iċ-ċivili Palestinjani wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, nhar is-Sibt, attakkaw bini ta’ skola fil-Medda ta’ Gaza.

Kelliema għall-militar ta’ Iżrael, sadanittant, iġġustifikaw l-attakk fuq l-iskola ta’  al-Taba’een permezz ta’ stqarrija li l-kumpless kien qed iservi bħala faċilità attiva għat-terroristi tal-Ħamas u l-grupp Ġiħad Iżlamiku….Akkuża li s-sorsi viċin il-Ħamas ċaħdu għaliha b’mod kategoriku.

Mietu ‘il fuq minn 70 Palestinjan waqt l-attakk fuq din l-iskola li anki qed tipprovdi l-kenn lir-refuġjati tal-gwerra.

Min-naħa tagħha, Kamala Harris qalet li qed jinqatlu wisq ċivili waqt il-gwerra f’Gaza u li ħafna drabi, dan il-qtil qed isir b’mod indiskriminattiv. Hi appellat mill-ġdid biex Iżrael u l-Ħamas jaslu fi ftehim dwar l-ostaġġi Iżraeljani li qed jinżammu f’Gaza u biex l-entitajiet ġellieda jaqblu għal perjodu ta’ kalma wara ġimgħat ta’ battalji intensivi.

Kamala Harris, li kienet qed titkellem waqt attività politika fil-belt ta’ Phoenix, f’Arizona, sostniet li Iżrael għandu d-dritt kollu li ‘jippersisti wara l-Ħamas’. Iżda hi għamlitha ċara li dan ma jfissirx li l-Iżraeljani għandhom iwarrbu mir-responsabbiltà tagħhom biex jevitaw il-vittmi bla bżonn fost il-popolazzjoni ċivili ta’ Gaza.

Intant, il-potenzi reġjonali u tal-Punent komplew jikkritikaw l-azzjoni mill-ajru fuq l-iskola – bl-Eġittu jirriserva l-aktar kundanna ħarxa għall-aġir tal-militar Iżraeljan. Il-kelliema fil-Kajr, f’dan il-każ, sostnew li ‘azzjonijiet bħal dawn jindikaw li Iżrael mgħandu l-ebda xewqa għal waqfien mill-ġlied jew li jikkonkludi l-gwerra ta’ Gaza li tant kellha tissarraf fl-imwiet tal-innoċenti’.

Fl-aħħar sigħat, it-tobba u l-istaff fl-isptar ta’ al-Ahli kienu qed jippruvaw jidentifikaw uħud mill-vittmi tal-attakk fuq l-iskola….Dan meta l-katavri tant ġarrbu sfreġju b’konsegwenza tal-missili sparati lejn il-kumpless li l-proċess tal-identifikazzjoni x’aktarx li tkun impossibbli għal uħud minnhom.