Sport Sport Ieħor

Illum iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Olimpjadi f’Pariġi

(Ritratt: EPA)

Avveniment ta’ 17-il ġurnata, li ġibed l-attenzjoni ta’ kull fanatiku tal-isport madwar id-dinja, minn kwalunkwe’ pajjiż u kontinent. Numru ta’ pajjiżi komplew iżidu mal-midalji li rebħu fil-passat, filwaqt li kien hemm xi pajjiżi li anke kellhom l-unur li jibgħatu l-atleti tagħhom għall-ewwel darba f’din l-edizzjoni.

Iċ-ċerimonja finali se tibda illum fis-2pm, fejn numru ta’ atleti minn kull pajjiż se jġorru l-bandiera tal-pajjiż rispettiv tagħhom ġewwa l-Stade de France.

Iċ-ċermonja mistennija tibda billi tilqa’ lill-President ta’ Franza Emmanuel Macron flimkien mal-President tal-kumitat Internazzjonali Olimpiku Thomas Bach. Dawn iż-żewġ Presidenti se jkunu akkumpanjati mal-innu tal-pajjiż ospitanti, f’dan il-każ se jindaqq l-innu Franċiż bl-isem ta’ “La Marseillaise”, miktub minn Claude Joseph Rouget de Lisle. Waqt li jindaqq l-innu titla ukoll il-bandiera nazzjonali ta’ Franza.

Sussegwentament tibda l-parata bil-bnadar ta’ kull pajjiż li pparteċipa f’din l-edizzjoni tal-olimpjadi, flimkien ma xi atleti magħżula mill-pajjiż. F’din il-parata jingħataw l-aħħar sett ta’ midalji. Iseħħ ukoll id-donazzjoni tal-bandiera tal-belt ospitanti lir-rappreżentant tal-belt li se tospita l-Olimpjadi li jmiss, f’dan il-każ rappreżentant ta’ Los Angeles fl-Istati Uniti.

Din iċ-ċerimonja tal-għeluq ġiet mogħtija l-isem ta’ “Records” mill-direttur artistiku Thomas Jolly.

Minkejja li l-11 ta’ Awwissu hija l-ġurnata tal-konklużjoni li se tkun dominata miċ-ċerimonja tal-għeluq, wieħed għandu jżomm f’moħħu ukoll li illum se jkun hemm numru ta’ direttivi sportivi li se jiġu fi tmiemhom, fosthom: Il-Maratona tan-nisa, il-finali tal-Basketball tan-nisa, avvenimenti taċ-ċikliżmu, Handball tal-irġiel, Pentathlon modern tan-nisa, il-Waterpolo tal-irġiel, il-Weightlifting tal-irġiel kif ukoll ir-Wrestling.