Sħana insapportabbli, droga, u mediċini out-of-stock.
Din hi s-sitwazzjoni tal-biki li wieħed isib fil-ħabs hekk kif il-priġunieri qed jgħixu fl-agħar kundizzjonijiet possibli quddiem is-sħana tremenda li qed tolqot lil pajjiżna.
Priġunier li tkellem ma’ Net News qal magħna li s-sħana tant hi kbira li wħud mill-priġunieri saħansitra qed jispiċċaw itihom ħass ħażin.
“Nies bdew jaqgħu bis-sħana. Ħass ħażin beda jtihom bis-sħana.”
Dan l-istess priġunier qal kif dawk il-persuni li jkunu għadhom kemm daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jintefgħu msakkrin f’ċella għal ġimgħat sħaħ bla aċċess għall-arja ta’ barra.
“Bniedem ma jkollux flus, titfgħu ġo ċella u tħallih għal tliet ġimgħat, erba’ ġimgħat bla imqarr fan. Vera tbatija.”
U dan meta f’kull division hemm biss friża waħda biex tgħaqqdi madwar 80 ħabsi b’riżultat li f’din is-sħana qed ikollhom jixorbu ilma kważi jaħraq hekk kif din il-friża ma toffrix spazju għal kulħadd.
“F’kull division li hawn hawn friża waħda. Jiġifieri tmenin persuna kif nistgħu aħna ninqdew bi friża waħda. Lanqas għanda fejn inqiegħdu l-ilma, il-luminati, l-affarijiet li nistgħu nixtru bħall-ġobon u affarijiet li jmorru.”
Apparti l-fatt li allegatament reġa’ hemm rapporti ta’ droga tiġri mas-saqajn. “Vera tal-biża’. Reġa’ hawn id-droga fil-ħabs. Out of control. M’hawn l-ebda edukazzjoni. Ma tantx titgħallem minn hawn. Dik il-verità.”
Bil-priġunieri li lanqas biss qed jingħataw il-mediċina li għandhom bżonn hekk kif jinsabu out-of-stock.
“Hawn min hu diabetic, min ibati bil-qalb qed ikollhom ħafna mediċini out-of-stock.”
U qed ikollhom iqattgħu jum wara l-ieħor bl-istess tibdila minħabba li jekk iridu iktar minn żewġ uniformi jkollhom jixtruhom.
“Ituk żewġ uniformi, trid toqgħod bihom bilfors. Ma tistax titlobhom iktar, trid tixtrihom minn fuq ix-xirja, li huma vera għoljin.”
B’dan il-priġunier jisħaq li l-priġunieri qed jispiċċaw joħorġu agħar minn kif daħlu.
“Hawnhekk suppost post fejn tirriforma ruħek imma minflok toħroġ agħar.”
Dwar is-sitwazzjoni ilu jitkellem sew il-Professur Andrew Azzopardi fejn fost l-oħrajn fl-aħħar jiem kien żvela li wħud mill-priġunieri qed jkollhom jinħaslu b’barmil mimli bl-ilma minn pajp. U dan apparti li l-ħabs, li fih hemm madwar 700 ħabsi, mhuwiex mgħammar b’mod xieraq sabiex iċ-ċelel ikunu ventilati kif suppost. B’Andrew Azzopardi jgħid li it-temperatura fiċ-ċelel kapaċi titla’ ‘l fuq minn 30 gradi celsius f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata minħabba l-fatt li f’ħafna ċelel m’hemmx ħjiel ta’ ventilazzjoni.
//= $special ?>