Kultura Lokali

Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-esebizzjoni RottArti 2024

Mill-bidu t’Awwissu bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-wirja RottArti li se tirrotorna din is-sena bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas-60 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna.

Din l-esebizzjoni unika kienet irritornat is-sena li għaddiet wara waqfa ta’ 12-il sena, bl-inizjattiva reġgħet ħadet il-ħajja fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn laqgħet mas-70 artist li esebixxew ix-xogħol tagħhom.

Din is-sena, il-preparamenti għal din il-wirja għaddejin bi ħġarhom, ikkordinati mis-segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-Partit Nazzjonalista Stefan Caruana flimkien ma’ għadd ta’ voluntiera li lkoll qed jaħdmu bi ħġarhom biex għal sena oħra jtellgħu wirja ta’ suċċess.

L-għan ta’ din il-wirja huwa sabiex l-artist ikollu pjattaforma li tesponi xxogħol tiegħu. Dan apparti li jiġi ċċelebrat it-talent lokali u jintwera apprezzament lejn dak kollu li huwa artistiku – minn pitturi sa skultura,
fotografija u issa anke l-arti diġitali. Dan sabiex jinħoloq ambjent aktar inklussiv għal artisti varji.

L-organizatturi qed iħeġġu artisti ta’ kull età, artisti ġodda, kif ukoll dawk stabbiliti biex jieħdu sehem f’din il-wirja. Għal din il-wirja, mhemmx restrizzjoni fuq il-ġeneru ta’ xogħol li wieħed jista’ jissottometti. Dan jgħodd ukoll għall-materjal użat mill-artisti.

L-applikazzjonijiet jagħlqu fl-4 ta’ Settembru

L-applikazzjoni għal Rottarti 2024 jinsabu miftuħa sal-4 ta’ Settembru. L-artisti jistgħu jissotomettu l-applikazzjonijiet tagħhom permezz ta’ email fuq rottarti@mail.com, fejn l-artist se jkun gwidat rigward il-qisien tax-xogħlijiet li jissottometti, il-mod li bih ser ikun qed isir il-labelling tax-xogħlijiet, kif ukoll
it-termini u kundizzjonijiet marbuta ma din il-wirja.

Kull artist qed jintalab donazzjoni ta’ €30 biex japplika, u jista’ jesebixxi sa tliet biċċiet ta’ arti oriġinali tiegħu.

Kull applikant huwa mitlub li flimkien mal-applikazzjoni jippreżenta x-xogħol tiegħu lest biex jiddendel, bi frame jew mingħajr, mhux aktar tard mill-4 ta’ Settembru.

L-artist huwa mitlub ukoll iġib ritratt professjonali tiegħu/ha b’qies talpassaport, id-dettalji personali tal-artist, bijografija żgħira ta’ mhux aktar minn 80 kelma, kif ukoll it-titlu ta’ kull biċċa arti li se jippreżenta.
RottArti ser tkun qed tuża s-sottomissjonijiet biex tagħmel promozzjoni għal din il-wirja.

L-organizzaturi se jħejju ktieb biex ifakkru din l-esebizzjoni ta’ arti kollettiva, b’ġabra tax-xogħlijiet kollha.

Fl-okkazzjoni tas-60 sena ta’ Malta Indipendenti

Wara l-4 ta’ Settembru se jibdew it-tħejjijiet biex id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista tinbidel f’ambjent fejn l-arti żżejjen din il-binja; il-pitturi jibdew jiddendlu mal-ħitan, jibdew jitpoġġew ir-ritratti, l-arti diġitali tieħu lpjattaforma li jixirqilha u l-iskultura tkompli żżejjen dan l-post.

Sakem imbagħad tasal il-ġurnata li fiha tkun qed tinfetaħ din il-wijra ta’ arti kollettiva, fit-23 ta’ Settembru. Dan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet organizzati mill-PN u li qed ifakkru is-60 anniversarju minn mindu pajjiżna kiseb l-Indipendenza.

Dakinhar id-Dar Ċentrali se tkun miftuħa għall-pubbliku biex jattendi, flimkien mal-artisti, l-organizzaturi, kif ukoll it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, biex tiġi inawgurata din il-wirja kollettiva. Is-serata se tkun imżewqa b’mużika mill-isbaħ filwaqt li se jsiru diskorsi minn personalitajiet li huma mistiedna speċjali. Imbgħad, wara din il-ġurnata, il-pubbliku se jkun jista’ jżur din l-esebizzjoni kuljum, filwaqt li jkun jista’ jixtri biċċiet ta’ arti li jkunu qedgħin għall-bejgħ, jekk l-artist jagħżel li jbiegħ, sakem tiġi fi tmiema fis-6 ta’ Ottubru.

Waqt dawn il-ġimgħatejn, se jkunu ukoll qed jiġu organizzati xi workshops li kulħadd jista’ jattendi għalihom.

Aktar informazzjoni tinkiseb permezz tal-paġna ta’ Facebook RottArti.