Internazzjonali

L-Istati Uniti: Allegazzjonijiet dwar ‘indħil mill-aġenti tal-Iran’ fil-kampanja ta’ Trump

L-attivisti li qed imexxu l-kampanja elettorali tal-eks President Amerikan Donald Trump qalu li l-komunikazzjonijiet interni tagħhom spiċċaw mira għall-hackers – u fost suġġerimenti li l-persuni responsabbli kienu aġenti tal-Iran

Il-websajt tal-aħbarijiet Amerikan Politico, sadanittant, irrapporta li rċieva – permezz ta’ email – diversi dokumenti tal-kampanja ta’ Trump, li jinkludu r-riċerka interna fil-konfront ta’ JD Vance, is-Senatur ta’ Ohio.

L-istess JD Vance, f’Novembru, se jkun qed jikkuntesta għar-rwol ta’ Viċi-President tal-Istati Uniti fuq it-tikketta tal-Partit Repubblikan – u bħala s-sieħeb ta’ Trump, il-kandidat ewlieni tal-partit li qed jipprova għal tieni mandat ta’ Presidenza.

Is-sorsi viċin ta’ Trump, sadanittant, insistew li d-dokumenti inkwistjoni nkisbu illegalment mingħand l-entitajiet barranin li huma ostili għall-Istati Uniti u li għandhom l-intenzjoni li jindaħlu fl-elezzjoni għall-White House.

Iżda filwaqt li d-diretturi ta’ Politico ikkonfermaw l-awtentiċità tad-dokumenti, il-kampanja ta’ Trump ma provdietx il-provi speċifiċi li jorbtu l-leak tad-dokument mal-hackers f’Tehran inkella mal-Gvern f Iżlamiku li qed imexxi lill-Iran.