Internazzjonali

L-Ukrajna: Konferma ċara li l-inkursjonijiet fir-Russja qed jagħmluhom it-truppi ta’ Zelensky

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ikkonferma għall-ewwel darba li l-militar ta’ pajjiżu qed imexxi offensiva fl-artijiet tar-Russja — u li s-suldati tiegħu wettqu numru ta’ suċċessi militari notevoli f’perjodu ta’ 48 siegħa.

Zelensky kompla li l-inkursjoni tat-truppi Ukreni ‘fit-territorji tal-aggressur ( b’referenza għar-Russja)’ saret wara li hu kien iddiskuta l-possibbiltajiet ta’ suċċess mal-Kmandant militari suprem tal-Ukrajna, Oleksandr Syrskyi. Fl-istess ħin, il-President Ukren qal li pajjiżu qed juri tassew il-kapaċitajiet militari tiegħu b’reazzjoni għall-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin….Invażjoni, segwita mill-okkupazzjoni tal-ibliet u z-zoni Ukreni mit-truppi tal-Kremlin, li ilha mill-aħħar jiem ta’ Frar tal-2022.

Il-Mexxej Ukren, sadanittant, ma rreferiex speċifikament għar-reġjun ta’ Kursk, lejn il-Punent tar-Russja, fejn it-truppi tiegħu rnexxielhom jaħtfu l-kontroll f’diversi villaġġi.

Il-qawwiet Ukreni qed jidhru wkoll viċin li jeliminaw kull reżistenza tar-Russi fi bnadi oħra ta’ Kursk. Intant, ma kienx magħruf jekk dawn il-qawwiet humiex jingħataw l-għajnuna mill-gruppi paramilitari magħmulha minn ġellieda Russi u oħrajn etniċi li ilhom ix-xhur iwettqu l-azzjonijiet kontra l-Armata tal-Kremlin fir-Russja proprja.

Dawn il-gruppi ma jiffurmaw l-ebda parti mill-Armata Ukrena iżda huma determinati li, akkost ta’ kollox, iwaqqgħu lil Vladimir Putin u l-kollegi tiegħu fil-Kremlin mill-poter

Il-qawwiet Ukreni, nhar it-Tlieta li għaddew, kienu bdew l-attakki sorpriża fuq l-artijiet tar-Russja u fejn infiltraw diversi kilometri ‘il ġewwa qalb it-territorji tal-għadu. Intant, l-Ukreni, għal ħafna jiem, ma konfermawx li kienu qed iwettqu dawn l-attakki – bl-awtoritajiet Russi jippruvaw jikkonvinċu lin-nies tagħhom li s-sitwazzjoni kienet ‘taħt kontroll’.

Ir-Russja qed tgħid li madwar 80,000 persuna spiċċaw evakwati miz-zoni ta’ Kursk li huma l-eqreb tal-fruntiera Ukrena – bit-truppi ta’ Zelensky, bħalissa, qegħdin igawdu l-akbar spinta ta’ suċċessi militari minn dakinar tal-invażjoni ta’ pajjiżhom.

L-iżviluppi tal-aħħar jiem, bla dubju, ħallew lil Vladimir Putin u l-Kremlin ixxukkjati għall-aħħar – madankollu, il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qed iwiegħed ‘reazzjoni mill-aktar qawwija’ għall-inkursjonijiet tal-Ukreni fir-Russja.

L-osservaturi, fl-istess ħin, qalu li l-azzjonjiet tal-Ukreni f’Kursk huma wkoll konferma ta’ kemm kien żbaljat il-Kremlin meta ħaseb li t-truppi tiegħu, fl-2022, kienu se jiksbu trijonf militari kbir ladarba jidħlu fl-Ukrajna. Dan ukoll wara l-istqarrijiet minn Moska li l-invażjoni tal-Ukrajna kellha ddum biss ftit ġimgħat u li s-suldati ta’ Putin kienu se jintlaqgħu mill-poplu Ukren daqslikieku ‘liberaturi’.

Fi żviluppi oħra, il-Gvernatur tar-reġjun Russu ta’ Belgorod, li jmiss mal-fruntiera tal-Ukrajna,ikkonferma l-feriment ta’ diversi nies b’konsegwenza tal-gwerra. Ingħad ukoll li numru ta’ residenzi privati u bini oħrajn ġarrbu l-ħsarat sostanzjali ‘waqt il-battalji’ fl-inħawi. Għalkemm ma ngħatawx dettalji, kollox jindika li t-truppi  Russi f’Belgorod kienu qed jirreżistu lill-militar ta’ Zelensky huma u javvanzaw aktar ‘il ġewwa fir-Russja.

Ħarġu wkoll il-filmati ta’ konvoj tar-Russja li spiċċa attakkat mill-Ukreni bir-riżultat li nqerdu numru ta’ vetturi –b’oħrajn iġarrbu l-ħsarat kbar. Fl-attakk inqatlu anki diversi suldati Russi – bil-filmati jittieħdu fi triq fil-belt ta’ Oktyabr’skoe, xi 40 kilometru mill-fruntiera Russa mal-Ukrajna lejn in-nofsinar.