Impenn għal Tmexxija Nadifa Lokali

Silenzju li jtarrax minn Byron Camilleri

Identità hija l-aġenzija tal-gvern responsabbli għall-ġestjoni tal-identità taċ-ċittadini u r-regolamentazzjoni tal-proċessi relatati mal-persuni li jidħlu f’Malta. Fil-paġna tal-websajt tagħha, Identità tgħid li ‘għandha l-għan li tikseb l-ogħla livell ta’ eċċellenza fis-servizz mingħajr ma tikkomprometti s-sigurtà’.

Iżda l-ġurnal Malta Today fl-editorjal tieghu jghid illi mhuwiex f’pożizzjoni li jiddetermina jekk dawn l-għanijiet intlaħqux – aktar u aktar wara l-iskandlu li jinvolvi indirizzi residenzjali foloz fornuti minn barranin, u li jikxef dgħjufija kbira fejn tidhol is-sigurtà.

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ippubblika fuq il-midja soċjali diversi ittri bl-indirizz tad-dar tiegħu fuqhom – iżda indirizzati lil nies b’ismijiet Indjani li qatt ma għexu fil-propjetà tiegħu. Buttigieg mhux l-unika persuna li rċeviet posta bħal din.

L-istess editorjal jghid illi l-avukat Jason Azzopardi ilu li tefa’ dawl dwar dan l-iskandlu enormi li jinvolvi madwar 18,000 karta tal-identità falza maħruġa bl-għajnuna ta’ uffiċjali ta’ Identità.  Jekk dak li qed isostni Azzopardi huwa minnu, is-sigurtà tal-pajjiż tassew ġiet kompromessa, tistqarr il-MaltaToday.

U jkun żball gravi jekk il-ministru responsabbli mill-Aġenzija Identità – Byron Camilleri – sempliċement jinjora dawn l-akkużi, aktar u aktar meta individwi oħra qed jersqu b’ittri li waslu fid-djar ….lil nies li ma jafux u li qatt ma għexu fil-proprjetà tagħhom. .

L-editorjal jgħid li għall-inqas, Camilleri għandu d-dmir li jispjega x’qed jiġri u x’jippjana li jagħmel dwar dan l-iskandlu. Filwaqt li kritika b’saħħa is-silenzju kontinwu tiegħu. Is-skiet tiegħu huwa iktar problematiku meta wieħed iqis li maġistrat riċentament talab lill-pulizija biex tinvestiga żewġ uffiċjali tal-aġenzija Identità li kienu qed jixhdu f’każ kontra ċittadin Eġizzjan u li taw verżjonijiet kunfliġġenti taħt ġurament.

Il-MaltaToday tgħid illi wieħed kien jassumi li Identità kienet tagħmel il-homework tagħha sew qabel tipproċessa u toħroġ karta tal-identità lil individwu barrani.  U għalhekk li tinħtieġ investigazzjoni bir-reqqa tal-pulizija biex jiġi ddeterminat jekk l-abbuż hux qed isir minn uffiċjali ta’ Identità u jekk iva, kemm huwa mifrux dan l-abbuż.

L-editur tal-Malta Today jisħaq li jkun xi jkun il-każ, Byron Camilleri ma jistax jibqa’ b’ħalqu magħluq. Dan għaliex bi skandlu ta’ proporzjonijiet kbar kif qed jiġi allegat, is-sigurtà nazzjonali ta’ Malta qed tiġi kompromessa ma’ kull jum li jgħaddi.