Lokali

ESKLUSSIVA: Ċirku ta’ traffikar ta’ persuni f’pajjiżna għal skopijiet ta’ prostituzzjoni

Disa’ Maltin u raġel barrani ġew arrestati mill-Pulizija wara li fl-aħħar ġimgħat kienet qed issir ħidma marbuta ma’ ċirku kbir ta’ kriminalità organizzata. Fost dawk interċettati mill-Pulizija hemm ukoll mara.

Dan is-sit jista’ jiżvela li l-każ jitrattat t-traffikar ta’ persuni, għal skopijiet ta’ prostituzzjoni – każ li kien konfermat ma’ Net News mill-Kummissarju innifsu meta affaċjat bid-domandi li għamilnielu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ dalgħodu.

F’din l-operazzjoni kien involut ir-Rapid Intervention Unit, is-CID u anke esperti forensiċi. Involut ukoll il-unit li jaħdem fuq Vjolenza Domestika.

Is-sorsi mid-Depot qalulna li l-ħidma tal-Pulizija fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn seħħet f’diversi zoni tal-pajjiż. U l-każ jitratta bażi ta’ kriminalità organizzata f’pajjiżna stess, għal skop ta’ traffikar u abbuż ta’ persuni vulnerabbli.

Mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin il-Pulizija tressaq persuni l-Qorti li huma implikati f’dan it-traffikar.