Lokali

Fi 30 sena: Tliet fatalitajiet f’shootouts mill-pulizija

Fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, il-Pulizija mill-Iskwadra tal-RIU kienu involuti f’operazzjoni delikata li damet madwar 3 sigħat – u li sfortunatament, minkejja n-negozjati kollha, issarfet fil-mewt ta’ Edward William Johnston – Irlandiż ta’ 50 sena.

Tul dawn in-negozjati, fejn aktar tard sar magħruf mill-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu li l-Irlandiż kien qiegħed iġorr u jhedded lill-Pulizija b’arma falza, replika ta’ Beretta – Johnston ammetta mal-uffiċjali li kien qatel lill-eks sieħba tiegħu. Hu miet aktar tard fl-Isptar Mater Dei wara li ntlaqat minn tal-inqas tlett tiri sparati mill-Pulizija wara li dan ħebb għal uffiċjal minnhom.

Din ċertament mhux l-ewwel darba fl-aħħar 30 sena li uffiċjali tal-Pulizija kienu involuti fi sparaturi li ssarfu f’imwiet.

Fost dawn il-każijiet insibu l-każ li jeħodna lura għat-12 ta’ Lulju, tal-1999 meta waqt hold-up f’bank fix-Xatt ta’ Bormla seħħet sparatura bejn il-Pulizija u l-ħallelin, b’wieħed minnhom – Amedeo Brincat jintlaqat minn tir t’arma tan-nar f’għonqu.

Huwa kien tħalla għal għonq it-triq bejn Marsaxlokk u ż-Żejtun – fejn minkejja li kien instab ħaj mill-Pulizija, u minkejja l-kura medika li kien ingħata – Brincat kien miet jiem wara fl-Isptar San Luqa kaġun tal-feriti li sofra.

Każ ieħor jeħodna f’Diċembru tal-2002 u dan seħħ fi Triq Ġwakkin Triganza f’Ħal Luqa meta Meloud Ghmaa Ashor Salem inqatel mill-Pulizija wara li hu kien qiegħed jhedded b’sikkina anzjan ta’ 72 sena.

Jidher li l-Libjan prova jidħol fid-dar tal-eks mara tiegħu sabiex jaħtaf it-tarbija tagħhom u f’dak il-kjass u kommossjoni li kienet inħolqot fit-triq…quddiem il-pulizija dak iż-żmien tal-mobile….il-barrani kien ħataf lill-anzjan…jhedded li joqtlu b’sikkina m’għonqu jekk ma jħalluhx jaħrab. Dakinhar ukoll il-Pulizija kienet kostretta twettaq azzjoni li ma riditx.

Imbgħad fl-2007, il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju għall-ħabta tal-11 ta’ filgħaxija, il-Pulizija qatlu lil Sebastian Borg magħruf bħala Bastjan tax-Xott permezz ta’ 5 tiri t’arma tan-nar f’Ħal Qormi.

Sussegwentament wara li seħħ il-każ il-Pulizija spjegat li Borg kien qed jhedded lill-uffiċjali tal-Pulizija permezz ta’ sikkina wara li hedded numru ta’ persuni u wettaq ħsara fuq diversi vetturi.

Jidher li minkejja t-twissijiet tal-Pulizija hu kompla jhedded lil Surġent tal-Pulizija tant li l-uffiċjal ħassu f’periklu u konsegwenza t’hekk ġew sparati tiri lejn ir-raġel.

Dawn huma biss uħud mill-isparaturi li fihom kienu involuti il-Pulizija – liema sparaturi spiċċaw issarfu f’fatalità.