Lokali

“Għal darb’oħra s-sistema fallietna” – SDM

Wara l-qtil ta’ Nicolette Ghirxi li seħħ matul il-lejl li għadda l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin qalu li għal darb’oħra s-sistema reġgħet falliet.

F’post fuq il-midja soċjali SDM qalet li din it-traġedja tqajjem il-mistoqsija jekk hux qed jiġu nfurzati l-liġijiet tal-femiċidju li ġew implimentati u jekk dawn il-liġijiet humiex effettivi. Intqal ukoll li għalxejn ikun hawn legislazzjoni li tipproteġi n-nisa meta rapporti ta’ vjolenza domestika mhux qed jiġu indirizzati għal jiem sħaħ.

L-għaqda studenteska saħqet li l-leġislazzjoni l-ġdida għandha tiffoka aktar biex tipprevjeni każijiet bħal dawn.

Intant, SDM saħqet li l-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni immedjata u tintrefa’ responsabbiltà.