Spazji miftuħa sabiex jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi u mhux jitħallew f’abbandun
Mhux biss irridu naraw li jinħolqu aktar spazji miftuħa, iżda l-Gvern irid ikun kapaċi li jżomm fi stat tajjeb dawk li diġà jeżistu. Is-suċċess wara l-ħolqien ta’ spazji miftuħa proġetti jiddependi fuq il-ħarsien u l-manutenzjoni kontinwa tagħhom daqs kemm jiddependi fuq id-disinn u l-implimentazzjoni inizjali tagħhom.
L-istrateġija attwali ma tinkludix pjan ċar u fit-tul għall-manutenzjoni ta’ dawn l-ispazji wara li jsiru, u n-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern qed iwassal sabiex jintilfu l-benefiċċji li dawn l-ispazji għandhom potenzjal joffru lill-komunità.
It-telqa m’hi sabiħa mkien. Hija ħasra li l-Gvern jidher li l-unika interess li għandu għall-ispazji miftuħa, huwa li minnhom jirbaħ ftit punti politiċi mill-PR u temporanjament itaffi ftit mill-kritika li ssirlu rigward il-falliment ambjentali li wassalna fih – imbagħad iħallihom jintelqu għal rieħhom.
Il-Gvern irid jifhem li sabiex saru dawn il-proġetti ġew investiti mijiet ta’ eluf, jekk mhux miljuni ta’ euro u t-tali proġetti jkunu ġew inawgurati b’tant pompa. Jekk il-Gvern mhux kapaċi jieħu ħsieb dawn is-siti u jibqa’ jsostnihom permezz tal-manutenzjoni neċessarja, allura dawk il-flus ma jkunux ġew investiti imma jkunu ġew moħlija.
Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex ikun hemm tmexxija tajba ta’ dawn is-siti kollha u jibda programm kontinwu ta’ ħarsien u manutenzjoni sabiex verament dawn l-ispazji miftuħin ikunu jistgħu jitgawdew mill-poplu tagħna.
Huwa inutli li l-Gvern, għall-propoganda tiegħu jkompli b’tant pompa jitkellem fuq spazji miftuħin ġodda u fl-istess ħin dawk eżistenti jispiċċaw postijiet ta’ telqa u abbandun.
//= $special ?>