Il-Kremlin jinsab fi stat kbir ta’ paniku fi żmien meta l-militar Ukren qed javvanza dejjem aktar ‘il ġewwa fit-territorji tar-Russja.
L-aħħar avvanzi kienu konfermati ġimgħa wara li bdiet l-inkursjoni sorpriża tal-Ukreni mill-artijiet tal-fruntiera — u meta mistenni li l-militar tal-President Volodymyr Zelensky għandhom ikomplu jikkonsolidaw il-kontroll fl-artijiet tal-għadu.
Fil-fatt l-awtoritajiet Russi, fl-aħħar sigħat, evakwaw lir-residenti mir-reġjun ta’ Belgorod minħabba l-azzjonijiet tal-militar fil-viċinanzi. Dan ukoll waqt li l-militar tal-President Russu Vladimir Putin kien qed jibgħat aktar reinforzi – b’mod partikulari truppi u artillerija – lejn l-artijiet li spiċċaw fil-mira tat-truppi Ukreni.
Ir-reġjun ta’ Belgorod jinsab viċin ta’ Kursk fejn l-Ukreni, jiem ilu, kienu bdew l-inkursjonijiet qalb iz-zoni kontrollati mis-suldati ta’ Putin. Dan waqt li t-truppi Russi spiċċaw iċedu quddiem il-furja tal-offensiva Ukrena u wara li huma spiċċaw iċċirkondati grazzi għat-tattiċi militari perfetti tal-avversarji.
L-aħħar rapporti qalu li l-Ukreni, issa, avvanzaw għal aktar minn 30 kilometru fl-artijiet tar-Russja u li hi l-akbar inkursjoni ta’ dan it-tip mindu l-Armata tar-Russja invadiet lil-Ukrajna fi Frar tal-2022.
Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur ta’Belgorod,Vyacheslav Gladkov, qal li l-awtoritajiet fir-reġjun kienu qedjieħdu l-passi kollha għat-tisħiħ tas-sigurtà. Dan waqt li saret effettiva allert dwar il-potenzjal ta’ attakk kbir missilistiku fuq l-inħawi.
L-evakwazzjonijiet tar-residenti komplew ukoll mill-inħawi ta’ Kursk, fost id-direttivi lill-eluf tan-nies biex jitilqu minn djarhom fid-distrett ta’ Belovsky.
L-awtoritajiet f’Kursk u Belgorod anki ħeġġew lir-residenti biex jibqgħu attenti għal xi attakk bil-missili u biex huma jkunu preparati biex ifittxu l-kenn qalb il-kantini ta’ djarhom.
U waqt li l-Kremlin qed jidher konfuż u indeċiż f’din is-sitwazzjoni li ħaditu għall-għarrieda, il-Gvern Ukren qal li beħsiebu jkompli bl-azzjonijiet ‘li juru lir-Russi li huma wkoll qegħdin fi stat ta’ gwerra’.
Il-kelliema fi Kiev sostnew li r-Russja kienet mexxiet talanqas 2,000 attakk militari fuq l-artijiet Ukreni mill-bażijiet ta’ Kursk u li l-inkursjonijiet fsr-Russja għandhom jitqiesu bħala ‘tweġiba xierqa lil Putin’.
U l-problemi għall-Kremlin qegħdin jikbru speċjalment ladarba, issa, sar magħruf li l-inkursjoni f’artu qed titmexxa minn eluf kbar ta’ truppi Ukreni…Ħafna aktar mill-‘gruppi żgħar ta’ elementi armati’ li l-media Russa kienet irrappurtat fil-jiem preċedenti.
Fl-istess ħin, ir-Russi mhumiex jirnexxilhom jikkontrollaw l-avvanzi tal-Ukreni….Avvanzi li qed isiru waqt l-aktar attakk koordinat mill-qawwiet konvenzjonali tal-Ukrajna fit-territorji tar-Russja.
Dan ukoll meta l-ammont tar-Russi evakwati mir-reġjun ta’ Kursk issa avviċinaw il-100,000 u bl-awtoritajiet lokali jiddikjaraw stat ta’ emerġenza b’konsegwenza tal-azzjonijiet militari fl-inħawi.
//= $special ?>