Lokali

Is-sistema qatlet mara oħra – Bernard Grech

F’post fuq il-midja soċjali il-Kapt tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stqarr hekk;

Is-sistema qatlet mara oħra.

Minkejja li wara l-qtil ta’ Bernice Cassar nee Cilia saret inkjesta indipendenti li sabet li l-awtoritajiet kienu responsabbli mill-mewt tagħha, għax ma kienx hemm biżejjed riżorsi biex jagħtu attenzjoni rapporti dwar vjolenza domestika, illum is-sistema mill-ġdid falliet u qatlet lil Nicolette Ghirxi wara li l-Kummissarju tal-Pulizija ammetta li r-rapport li għamlet ġranet ilu kien għadu qed jiġi proċessat għaliex kien meqjus bħala “low risk”.

Ma jistax ikun nibqgħu nfallu mara wara l-oħra, familja wara l-oħra.

Falliment ieħor ta’ Byron Camilleri li wara l-qtil ta’ Bernice Cassar nee Cilia ma kienx kapaċi jara li l-Pulizija jingħataw biżejjed riżorsi biex jieħdu rapporti bħal dak li għamlet Nicolette bis-serjetà qabel ma jkun tard wisq.

Kull mara, kull persuna, jixirqilha serħan il-moħħ li jekk jagħmlu rapport, tittieħed bis-serjetà u tittieħed azzjoni konkreta biex tkun sigura.

Grazzi wkoll lil dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li b’riskju għalihom ukoll minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi jagħmlu xogħolhom biex jippruvaw jipprevjenu każijiet hekk u biex jaffrontaw l-aggressuri.

Jeħtieġ Gvern li verament jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa biex l-Pulizija u kull awtorità oħra kompetenti jkunu jistgħu verament jieħdu kull azzjoni li hemm bżonn biex każijiet bħal dawn jiġu indirizzati qabel ma jkun hemm femiċidju ieħor.