Nicolette Ghirxi, il-mara ta’ 48 sena li nqatlet permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina fir-residenza tagħha fis-Swatar, għamlet rapport mal-Pulizija mill-Iskwadra tal-Vjolenza Domestika fit-8 ta’ Awwissu ċioè tlett ijiem qabel inqatlet – madanakollu din it-talba kienet għadha qed tiġi proċessata.
Sostna dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Depot tal-Pulizija hekk kif saħaq li l-mara għamlet rapport il-Ħamis filgħaxija għaliex indunat li l-eks sieħeb tagħha, Edward William Johnston ta’ 50 sena, kien reġa’ ġie Malta mill-Irlanda.
Angelo Gafà saħaq li l-Pulizija kkunsidrat il-każ tagħha bħala wieħed low risk minħabba l-fatt li f’Mejju Ghirxi ma ħassitx li kienet taħt theddida għaliex kull ma kienet qed tirċievi kienu e-mails ta’ fastidju mingħand Johnston li kienet temmet relazzjoni minn miegħu wara sentejn.
Ġie spjegat ukoll li l-e-mails kienu identifikati li kienu ġejjin minn barra minn Malta għaliex ġie stabbilit li hu kien qiegħed jgħix l-Irlanda, minn fejn proprju hu.
Madanakollu malli ndunat li l-Irlandiż reġa’ ġie Malta, minnufih Nicolette Ghirxi, anke sforz biża’ li kellha, għamlet rapport lill-Pulizija, rapport li sakemm qatilha sfortunatament kien għadu qed jiġi proċessat.
Angelo Gafà spjega li Johnston kellu fuqu arma tan-nar replika, ċioè arma falza madanakollu minħabba li t-taħdidiet bejnu u bejn il-Pulizija saru fejn il-baħar, bejn nofsillejl u t-tlieta ta’ filgħodu fi dlam ċappa ma ndunawx li l-arma ma kinitx ta’ vera.
Għaldaqstant meta ħebb għall-uffiċjali bl-arma tan-nar ħassew il-ħtieġa li jiddefendu ruħhom b’tali mod li l-Irlandiż ntlaqat minn tiri f’sidru – bil-konsegwenza li miet aktar tard fl-Isptar Mater Dei.
Il-Kummissarju tal-Pulizija spjega wkoll li kien l-Irlandiż stess li ammetta mal-Pulizija li kien qatel lill-eks sieħba tiegħu fl-appartament tagħha fis-Swatar – fejn instabet mixħuta mal-art bla ħajja, bl-arma tad-delitt ma’ ġenbha.
//= $special ?>