It-temp fil-ġimgħa ta’ Santa Marija jidher li ser ikun sħun mhux ħażin hekk kif it-temperaturi mistennija jilħqu l-40 grad celcius.
F’dan iż-żmien tas-sena, ħafna jgħidu li xi raxxa xita tkun xi ħaġa komuni. Iżda fil-verità, kollox jindika li dan mhux se jkun il-każ.
Dan il-fenomenu meterjologiku, magħruf aħjar bħala l-għerejex ta’ Santa Marija, jidher li ser ikun prattikament ineżistenti – u minflok ser ikollna jiem sħan, b’temperaturi li jlaħħqu minn 37 grad sa 40 grad celcius.
Jidher ukoll illi wara li jgħaddu l-ġranet tal-Assunta, it-temperaturi mistennija jonqsu u t-temp se jissaħħab xi ftit. Li hu zgur hu li matul il-jiem li ġejjin, speċjalment dakinhar ta’ Santa Marija, it-temp ser ikun wieħed sħun sew – kif jgħid il-Malti, sħana taqli l-ankri.
Madwar Malta u Għawdex il-festi ta’ Santa Marija huma simbolu tal-kultura tagħna; kultura ta’ festi u ċelebrazzjonijiet li jfakkru t-tlugħ ta’ ommna Marija fis-sema.
Din il-festa tiġi ċċelebrata fl-Mqabba, il-Qrendi, il-Gudja, Ħal Għaqax, Ħ’Attard. il-Mosta u fir-Rabat Għawdex. Min naħa l-oħra fl-Imġarr u Ħad-Dingli Santa Marija tiġi iċċelebrata fit-18 ta’ Awwissu.
Din il-festa hija ċelebrazzjoni għal qalb il-Maltin għaliex f’din il-festa pubblika f’pajjiżna m’għandix biss għeruq reliġjużi, però anke storiċi …hekk kif din il-ġimgħa jitfakkar d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija, l-istess Konvoj li salva lill-Maltin mill-ġuħ u l-aks fi żmien it-tieni gwerra.
//= $special ?>