“Hemm bżonn viżjoni fit-tul għas-settur tat-turiżmu, għaliex pajjiżna ma jiflaħx aktar turisti.”
Hekk stqarr il-President tal-MHRA Tony Zahra f’intervista li saritlu mill-ġurnalist tat-Times of Malta Mario Xuereb fejn spjega kif numru ta’ sfidi li qed jaffaċċja pajjiżna huwa kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni – anke fejn jidħlu t-turisti.
Tony Zahra qal li pajjiżna jeħtieġ viżjoni ta’ għaxar snin għat-turiżmu; implikazzjoni ċara li l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo m’għandux viżjoni.
Il-President tal-MHRA Tony Zahra rrimarka li n-numru ta’ turisti li ġew din is-sena huwa l-massimu li pajjiżna kapaċi jilqa’. U għalhekk skont Zahra jeħtieġ li nieħdu l-massimu minn kull turist.
Tony Zahra spjega li minkejja li l-ammont ta’ turisti f’pajjiżna żdied minn naħa l-oħra naqset id-domanda ta’ turisti li joqgħodu f’lukanda ta’ 4 jew 5 stilel matul il-btala tagħhom.
Mistoqsi jekk il-Gvern ta’ Robert Abela kellux reazzjoni għal dak li qal Zahra ftit tal-ġimgħat ilu …. li l-Gvern m’għandux ikompli jinċentiva l-bini ta’ aktar lukandi huwa qal li l-Gvern baqa’ kompletament fis-silenzju.
Intant, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li l-Awtorità tal-Ippjanar jeħtieġ tagħmel analiżi tajba qabel ma tapprova l-permessi – għaliex kaġun tal-iżvilupp esaġerat qed ibati l-ambjent ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ NGOs kif ukoll il-Korpi Kostitwiti appellaw għal viżjoni mill-Gvern ta’ Robert Abela bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>