Lokali

Miġbura ‘il fuq minn €94,000 waqt il-Missio Summer Fest

Matul il-jum tal-Ħadd ġiet fi tmiemha l-missio Summer Fest – maratona li kienet mifruxa fuq tlett ijiem u li matulha nġabru ‘il fuq minn €94,000 bil-għan li l-missio tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha barra minn xtutna.

Il-maratona saret hekk kif il-missio pparteċipat fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Food Festival bil-missio offriet esperjenza mill-isbaħ għal dawk kollha li attendew.

Din is-sena l-missio tkellmet fuq ix-xogħol li jsir f’diversi pajjiżi kif ukoll għal sena oħra kien hemm l-esperjenza virtwali ‘Walk in my Shoes’ – esperjenza fejn il-pubbliku b’mod virtwali jista’ jesperjenza l-missjoni li ssir f’dawn il-pajjiżi.

L-avveniment sar bejn id-9 u l-11 ta’ Awwissu bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ kantanti lokali li taw spettaklu mill-isbaħ.

Għaldaqstant, matul il-maratona l-missio kompliet twassal il-messaġġ tagħha favur il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi dan għaliex bis-saħħa tad-donazzjonijiet il-missio tkun tista tkompli twettaq aktar proġetti sabiex il-komunitajiet f’pajjiżi varji jkollhom ħajja aħjar.