Lokali

Nicolette Ghirxi hija l-mara li nqatlet f’Birkirkara; f’April kienet għamlet rapport ta’ fastidju

Hija storja tal-waħx dik li żviluppat matul il-lejl li għadda fis-Swatar. Bis-sorsi ta’ Net News jikkonfermaw li l-mara nqatlet mill-eks sieħeb tagħha permezz ta’ sikkina.

Il-mara, li ġiet identifikata bħala Nicolette Ghirxi, ta’ 48 sena, sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta fil-post, proprju fl-appartament tagħha fis-Swatar, limiti ta’ Birkirkara, fi Triq Giuseppe Busuttil.

Dan is-sit jista’ jiżvela li l-ewwel rapporti daħlu għand il-Pulizija wara li r-raġel spiċċa tfaċċa fuq il-blat fil-limiti ta’ Paceville, u beda jhedded li jneħħi ruħu b’idejh. L-Irlandiż imbagħad ipponta arma tan-nar lejn il-Pulizija, u l-uffiċjali sparaw lejh.

Ir-raġel ġie maqtul fil-post. Jirriżulta li b’kollox ġew sparati erba’ tiri.

Rapporti fil-midja lokali indikaw li n-negozjati bejn l-Irlandiż u l-Pulizija damu xejn inqas minn 3 sigħat – bir-raġel ftit tal-ħin qabel saħansitra hedded lil ħaddiema ta’ lukanda.

Mhux magħruf eżatt kif mis-Swatar, ir-raġel spiċċa fl-akwati ta’ Paceville.

Net News jinsab infurmat li lura f’April, il-vittma kienet għamlet rapport ta’ fastidju wara li mill-ewwel indikazzjonijiet kienet irċeviet xi email mir-raġel wara li dawn temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Intant, qraba u ħbieb tal-mara jinsabu xxukjati b’dak li seħħ fl-aħħar sigħat.

Il-mara kienet impjegata f’bank lokali.