Lokali Qorti

Prinċep Rumen mhux se jiġi estradit lejn pajjiżu

Il-Princep Rumen, Paul-Philippe al Romaniei, ta’ 77 sena, mhux se jigi estradit lejn pajjizu. Dan wara li l-Imhallef Edwina Grima irrevokat d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati u sabet li jekk il-mandat ta’ Arrest Ewropew kontra al Romaniei jiġi esegwit, jezisti r-riskju li jkun suġġett għal ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-konfront tiegħu.

Fuq l-istess binarju, il-Qorti tal-Appell Kriminali rrifjutat li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest. Fl-2020, Paul-Philippe al Romaniei, ħarab mir-Rumanija fl-2020 wara li nstab ħati dwar l-allegat involviment tiegħu fir-restituzzjoni illegali ta’ proprjetà immobbli qrib Bucharest li dwarha l-awtoritajiet qalu li b’mod falz iddikjara li huwa l-propjetarju tagħha. Għal din l-akkuża huwa ġie kkundannat tliet snin u erbgħa xhur ħabs.

Il-Princep Rumen kien qed jgħix f’Pariġi fejn ukoll ikkontesta talba simili ta’ estradizzjoni mill-awtoritajiet Rumeni quddiem il-Qrati Franċiżi. L-avukati ta’ prinċep Rumen li qed jiġġieled l-estradizzjoni quddiem il-Qrati Maltin, sostnew it-Tnejn li t-talba mill-awtoritajiet Rumeni kienet ibbażata fuq deċiżjoni korrotta li, jekk tiġi eżegwita, tirriżulta fi ksur tad-drittijiet fundamentali.

Eks prosekutur u akkademiku Franċiż li kien ukoll involut b’mod attiv f’diversi missjonijiet tal-UE kontra l-korruzzjoni, kien xehed f’Mejju permezz ta’ video-conference fil-proċeduri tal-estradizzjoni. Filwaqt li ddeskriva l-kwistjoni bħala “skandaluża,” il-maġistrat irtirat Serge Mackowiak qal li kien iltaqa’ mal-prinċep għal xi drabi fil-preżenza tal-konsulenti legali tiegħu.

Wara li kien ta ħarsa ġenerali dettaljata tas-saga storika, politika u legali madwar il-prinċep, ix-xhud ikkonkluda li l-Mandat ta’ Arrest Ewropew kien null. Ir-raġunijiet kienu tlieta. Dak il-mandat kien riżultat ta’ persekuzzjoni politika, filwaqt li t-tilwima kollha ħarġet minn editt Nazista datat 1941 li ordna l-konfiska illegali tal-proprjetà tal-familja rjali.

Barra minn hekk, il-Qorti Rumena li ordnat l-estradizzjoni tal-prinċep ma kinitx kostitwita legalment minħabba li tnejn mill-imħallfin li ordnaw l-estradizzjoni ma ħadux il-ġurament ta’ lealtà. Xehed ukoll Avukat Amerikan li għen lill-prinċep għal dawn l-aħħar 12-il sena u li qed isegwi wkoll il-każ tal-estradizzjoni f’Malta. Il-Princep Rumen kien assistit mill-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia.