Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli għadhom komdi b’Richard Bilocca fit-tmexxija tal-entità governattiva Wasteserv minkejja li hu flimkien ma’ ħamsa oħrajn jinsabu akkużati b’responsabbilta kriminali għall-inċident fatali illi wassal għal mewt ta’ Joseph Ellul f’Mejju tal-2022.
Fit-30 ta’ Lulju, il-Kap Eżekuttiv tal-Wastesev Richard Bilocca kien akkużat flimkien ma oħrajn bi qtil involontarju. Dan b’rabta mal-fatalità li seħħet fl-inċeneratur tal-kumpanija fil-Marsa aktar minn sentejn ilu.
Bilocca ta’ 39 sena kien mixli b’ċitazzjoni u mhux b’arrest quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella wara li l-Inkjesta Maġisterjali, li tmexxiet mill-Maġistrat Elaine Rizzo, ikkonkludiet li Bilocca kellu jitressaq il-Qorti …minħabba nuqqasijiet sinifikanti ta’ sigurtà fl-impjant.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Awwissu, ġimgħa u nofs wara li Bilocca tressaq il-Qorti, Net News staqsa lill-Ministru Dalli għalfejn ħallietu f’tali pożizzjoni. Bil-Ministru taħrab għal kollox milli twieġeb.
Lura f’Marzu li għadda l-ġurnalisti kienu staqsew kemm lil Miriam Dalli kif ukoll lil Richard Bilocca nnifsu għalfejn kien għadu jżomm tali kariga ta’ CEO minkejja l-akkużi fil-konfront tiegħu – b’Miriam Dalli kienet baqgħet taqbeż għalih.
Matul l-inkjesta Maġisterjali, meta kien mistoqsi, Richard Bilocca kien iddeskriva l-mewt li seħħet bħala waħda li ġrat kaġun ta’ att stupidu ….u dejjem ċaħad li b’xi mod jew ieħor kien involut.
Mistoqsi 5 xhur ilu minn Net News jekk kienx se jissospendi lilu nnifsu, Bilocca kien ħarab milli jwieġeb.
Illum, li jinsab akkużat b’mod uffiċjali bi qtil involontarju ta’ Ellul….Richard Bilocca għadu jokkupa l-irwol ta’ CEO tal-Wasteserv qisu xejn m’hu xejn; bil-barka assoluta ta’ Robert Abela u Miriam Dalli.
//= $special ?>