Matul il-lejl li għadda, raġel Irlandiż qatel lit-tfajla tiegħu f’Birkirkara. Sakemm aktar tard hu ġie interċettat u maqtul mill-Pulizija fl-inħawi ta’ Paceville.
Dawn l-iżviluppi xokkanti seħħew għall-ħabta tas-2am.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-mara hi Maltija.
Hi nqatlet f’appartament, li jinsab fiz-zona tas-Swatar. B’ġirien jistqarru magħna li huma ma semgħu xejn, u li din hija zona ta’ Birkirkara verament kwieta, fejn ħadd m’għandu problemi ma’ ħadd.
Net News kien l-ewwel li wasal fil-post u segwa l-ħidma li kienet għaddejja mill-Pulizija. Fil-post waslu wkoll qraba u ħbieb tal-mara.
Sa issa għadha mhux ċara d-dinamika ta’ dan il-każ, illi huwa l-agħar tax-xorta tiegħu li seħħ matul din is-sena.
L-istess sorsi qalulna illi wara li l-Irlandiż ħarab mill-post tad-delitt, hu ħarab lejn San Ġiljan. Il-Pulizija fil-fatt sabuh wara l-lukanda Hilton, u hemm provaw jarrestawh.
Jidher li f’dan il-mument hu kien b’arma f’idu, u beda jhedded lill-Pulizija li jispara – sakemm ipponta l-arma lejhom u sparawlu. L-irlandiż miet fil-post.
Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin bl-assistenza tal-Pulizija tal-Forensika.


