Internazzjonali

Ukrajna: Jakkużaw lil xulxin dwar in-nirien qalb il-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia

L-Ukreni u r-Russi qed iwaħħlu f’xulxin bħala ‘il-kaġun’ ta’ nirien li qabdu fil-faċilità nukleari ta’  Zaporizhzhia. Dan l-impjant jinsab fl-Ukrajna waqt li hu fost l-akbar kumplessi ta’ dan it-tip fl-Ewropa.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-qawwiet Russi qabbdu ‘dolożament’ in-nirien fil-faċilità li ilha aktar minn sentejn okkupata mit-truppi ta’ Moska. Intant, il-Gvernatur ta’ Zaporizhzhia li jappoġġja lill-Kremlin qal li n-nirien kienu konsegwenza tal-bumbardamenti min-naħa tal-qawwiet Ukreni.

Sadanittant, l-International Atomic Energy Agency (IAEA), bħala l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li l-iżviluppi ma jidhrux li ħallew impatt partikularment perikoluż għas-sigurtà fuq livell nukleari.

Jidher li n-nirien qabdu fil-cooling towers tal-faċilità, waqt li l-awtoritajiet f’ Zaporizhzhia qalu li ma kien hemm l-ebda żieda fil-livell ta’ radjazzjoni madwar l-impjant.

Il-President Zelensky ukoll qal li l-attività nukleari fl-impjant kienet għadha l-istess filwaqt li tenna li ma kienx hemm periklu ta’ xi leak nukleari.

Dan ukoll waqt li Zelensky akkuża lir-Russja dwar pjan biex is-suldati tagħha jqabbdu n-nirien fil-faċilità bħala ‘attentat ta’ rikatt’ fil-konfront ta’ Kiev.