Lokali Qorti

Disa’ persuni fosthom żagħżugħ ta’ 19-il sena wieġbu mħux ħatja ta’ traffikar ta’ persuni

Illum beda l-każ fil-Qorti b’rabta maċ-ċirku ta’ traffikar ta’ persuni li nstab f’pajjiżna bi skopijiet ta’ prostituzzjoni. Dan il-każ qed jitmexxa quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Fil-5:30pm disa akkużati waslu fl-awla.

Fil-bidu ntqal li erba tfajliet Kolumbjani ġew allegatament traffikati. Wara xhur ta’ investigazzjonijiet ġie magħruf li l-akkużat kienu b’xi mod involuti. Malli nġabru l-provi kollha neċessarji nħareġ mandat ta’ arrest kontra 11-il akkużati. Huma qed jiġu akkużati li huma l-moħħ wara organizazzjoni li tiġġenera ammont kbir ta’ flus permezz ta’ traffikar ta’ persuni. Minkejja li 11-il persuna ġew arrestati, disa persuni kienu biżżejjed sabiex jitressqu l-Qorti.

Fil-Qorti, l-ispettur qal li inizjalment, l-Pulizija bdiet b’investigazzjoni b’rabta ma’ burdell.

Il-Qorti qalet li hemm 4 xhieda oħra, b’waħda minnhom tasal Malta ftit ta’ sigħat ilu biss, u li wieħed mill-akkużati kellu jmur għaliha mill-Ajruport.

B’risposta ta’ wieħed mill-avukati tal-akkużati, intqal li l-inkjesta b’rabta ma’ dan il-każ infetħet fit-13 ta’ Ġunju 2024.

L-akkużati preżenti fl-awla huma Luke Farrugia ta’ 36 sena, Clint D’Amato ta’ 36 sena, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena, Kane Vassallo ta’ 22 sena, Gordon Cassar ta’ 44 sena, Dylan McKay ta’ 30 sena, Luca Corito ta’ 21 sena, Nicolae Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Pocora ta’ 32 sena. Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.

Huma ġew arrestati lbieraħ kmieni filgħodu f’diversi lokalitajiet madwar Malta.

Il-prosekuzzjoni talbet isabiex tinħareġ ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi u l-propjetà tal-akkużati. Ġie mitlub ukoll protection order fil-konfront tal-allegat vittmi. Din it-talba ma ġietx ikkontestata, u ntlaqgħet mill-Qorti. Din l-ordni se tibqa fis-seħħ sas-sentenza. Jekk l-akkużati jiksru dawn l-ordnijiet tal-Qorti jistgħu jeħlu multa ta’ €7000, sentejn ħabs, jew inkella it-tnejn li huma.

L-avukati tal-akkużati qed jitolbu għall-ħelsien mill-arrest. Dwar dan gie msostni li hemm wisq riskji, hekk kif il-każ għadu f’stat bikri. Ġie msostni wkoll li hemm ċans li hemm organizazzjonijet oħra li l-Pulizija forsi għadhom ma skoprewx.

Għal dan l-argument, l-avukat ta’ D’Amato sostna li l-klijent tiegħu qatt ma wettaq reat, u l-klijent tiegħu Farrugia ilu snin twal ma jwettaq reat, u b’hekk hemm riskju vera baxx li jwettqu reat ieħor, anke minħabba li għandhom indirizz fis. L-avukat tagħhom talab li għandu jkun hemm provi biex il-biża ta’ intraċċ ikun validu.

L-avukat ta’ Corito sostniet li l-unika akkuza li għandhom kontrih hi li wassal waħda mill-vittmi minn post għal ieħor, u li wara rċieva €50 fuq Revolut. L-avukat sostnieh li l-akkużat ma kienx jaf eżatt x’kien qed jiġri, u li m’għandu ebda involviment mal-akkużati l-oħrajn. Sostniet ukoll li m’hemmx biża ta’ intraċċ. Hi sostniet li hemm bżonn li l-Qorti tiġġieled l-akkuzi b’mod individwu u mhux kulħadd f’daqqa, ħalli jekk jingħataw xi pieni, dawn ikunu xierqa skont l-akkużi individwali.

L-avukat ta’ Vassallo u Farrugia wkoll sostna li m’hemmx biża ta’ intraċċ. Fakkar ukoll li għandhom indirizz fis u jistgħu jagħtu garanzija. Apparti minn hekk, fakkar li s’issa għadhom preżunti innoċenti. Minkejja dan, intqal li Farrugia, minkejja l-età żgħira tiegħu, hu kellu rwol attiv, tant li mid-dehra kien involut fil-burdell li skoprew ilbieraħ fil-Gżira.

Waqt il-proċeduri tkeċċa wieħed mill-familjari tal-akkużati mill-Awla wara li nqabad jiġbed filmati fil-Qorti. L-mobile tiegħu ttieħed mill-Pulizija sabiex jitħassar il-filmat. Ir-raġel sostna li bi żball ħa recording. Il-Maġistrat infurmatu li hu reat li xi ħadd jieħu ritratt jew filmat fil-Qorti. Il-Pulizija se tkun qed tinvestiga dan il-każ.

Il-Qorti sostniet li l-biża ta’ intraċċ hu serju u reali. Il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha għall-ħelsien mill-arrest u sostniet li x-xhieda kollha għandhom jittresqu quddiem il-Qorti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone flimkien mal-avukati Ramon Bonett Sladden, Charmaine Abdilla f’isem Avukat Ġenerali. Għall-akkużati dehru l-avukati Franco Debono, Michaela Giglio, Mario Mifsud, Marion Camilleri, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Etienne Borg Ferranti u Kathleen Calleja Grima.