Repubblika tinnota li għal darb’oħra kellha tkun inizjattiva privata li ġġib każ serju ta’ korruzzjoni quddiem il-Qrati. Maġistrat laqa’ t-talba ta’ Jason Azzopardi biex issir inkjesta maġisterjali fl-allegazzjoni serja li nħarġu eluf ta’ karti tal-identità foloz fuq il-bażi ta’ dokumenti ffalsifikati u b’serq tal-identità ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin li sabu d-djar tagħhom użati bħala indirizzi foloz ta’ nies li qatt ma semgħu bihom.
Minkejja d-dokumenti u l-provi kollha diġà fid-dominju pubbliku, il-pulizija m’għamlet xejn. Preżumibilment, kieku xi ħadd kellu jsaqsi lill-Kummissarju Anġlu Gafà għalfejn m’għamel xejn, kien jgħid li ‘għadu qed jiproċessa’.
Intant dawn l-allegazzjonijiet mhumiex xokkanti biss għax uffiċjali tal-gvern b’konnessjonijiet politiċi daħħlu l-eluf fil-but. Ftit jew wisq dan sar normali. Dan hu xokkanti għax dawn l-allegazzjonijiet juru riskju enormi għas-sigurtà nazzjonali u riskju għall-familji li jgħixu fi djar li nsterqilhom l-indirizz tagħhom.
Jekk dawn l-allegazzjonijiet jirriżultaw minnhom, allura hu ċar li l-awtoritajiet Maltin m’għandhomx idea fejn joqgħodu n-nies. Ma jafux jekk l-ismijiet li jidhru fuq ir-rekords pubbliċi humiex nies veri u jgħixux fejn jgħidu li jgħixu. Jekk jeħtieġu jfittxuhom, aktarx ma jisbuhomx.
Irridu ngħidu li dan ma jgħaġġibniex. L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti tistrieħ fuq il-gideb fuq l-indirizzi ta’ dawn li jixtru passaport Malti. Il-gvern kien jaf li aktarx kull indirizz li ngħata f’dik l-iskema kien indirizz fittizju. Ma jiskantax issa l-gvern li l-gideb li istituzzjonalizza bl-iskema tal-passaporti issa ġie mmultiplikat b’ħafna eluf fil-bejgħ illegali tal-karti tal-identità.
Dawn mhumiex biss problemi etiċi jew ta’ kriminalità. Huma wkoll indikazzjoni li l-istat Malti tilef il-kapaċità li jamministra anke l-aktar ħaġa bażika: iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali tal-identità tan-nies li jgħixu f’Malta. Meta wieħed jara karta tal-identità Maltija, issa jkollu jiddubita jistax jemmen l-informazzjoni li ġġib fuqha.
Repubblika tirringrazzja lil Jason Azzopardi li għamel waħdu dak li l-pulizija u l-prosekuturi Maltin irrifjutaw li jagħmlu. Tirringrazja lis-sorsi li għenuh jagħmel it-talba għal inkjesta maġisterjali u ssieħeb l-appell tiegħu għal aktar xhieda u vittmi li jgħidu lill-inkjesta dak li jafu fuq dawn l-allegazzjonijiet.
Fl-istess waqt naraw il-bżonn ta’ inkjesta amministrattiva biex pubblikament u indipendentement tevalwa r-riskji għas-sigurtà nazzjonali u għall-viabilità tar-rekords pubbliċi minħabba dak li hu allegat li ġara f’dan l-iskandlu.
//= $special ?>