Lokali

“Ħajja moħlija fuq dewmien ta’ azzjoni”

Baraxx ta' kummenti fil-konfront ta' Angelo Gafà wara n-nuqqas ta' azzjoni b'rabta mad-delitt ta' nhar it-Tnejn li għadda

“Is-sistema falluta. Ħajja li setgħet ġiet salvata imma ġiet moħlija fuq proċessar ta’ informazzjoni u dewmien ta’ azzjoni”.

Dawn huma biss ftit mill-kummenti tal-pubbliku fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa. Dan kollu b’reazzjoni għall-omiċidju ta’ Nicolette Ghirxi – mara illi allegatament inqatlet mill-eks sieħeb tagħha minkejja li għamlet diversi rapporti ta’ fastidju mal-Pulizija.

Fil-fatt, fil-konferenza tal-aħbarijiet, Gafa ammetta hu stess illi 4 ijiem qabel ma nqatlet Ghirxi – irrappurtat lill-Pulizija li l-allegat aggressur kien jinsab f’pajjiżna – u minkejja dan ma ttieħdet l-ebda azzjoni, b’persuna ddiżżappuntata tistqarr li issa se jkun qed jiġi pproċċesat iċ-ċertifikat tal-mewt minflok ir-rapport.

Fid-dawl ta’ dan kienu bosta li kkritikaw lill-Kummissarju tal-Pulizija għan-nuqqas ta’ azzjoni illi ttieħdet, fejn bosta stqarrew illi wara każijiet preċedenti Gafa ma tgħallem xejn, u għal darba oħra l-istat falla mara li kienet fil-periklu.

B’ħafna anke sejħu għar-riżenja ta’ Angelo Gafa, hekk kif issa iżejjed huwa kollu żejjed u wasal il-ħin sabiex – skont il-kummenti tal-pubbliku – iżarma mill-kariga tiegħu.

Kienu wkoll ħafna nisa illi qasmu l-esperjenza ta’ terrur tagħhhom fil-kummenti, b’xi persuni jgħidu illi wasal iż-żmien li l-Pulizija jieqfu jistennew sakemm ikun hemm theddida ‘veru’ sabiex jieħdu azzjoni.

B’persuna saħansitra tistqarr li kienet għamlet diversi rapporti fil-konfront tal-allegat aggressur tagħha, bil-Pulizija ssejjaħ lill-aggressur, tagħtih warning u reġgħet bagħtitu lura fis-soċjetà – dan sakemm is-sitwazzjoni terġa’ tirrepeti ruħha, fejn anke stqarret li kieku din is-sitwazzjoni ma ġietx solvuta, kieku ilha snin taħt it-trab.

Fid-dawl ta’ dan kollu, bosta kkumentaw fuq il-midja soċjali u kkundannaw in-nuqqas ta’ ħidma tal-Kummissarju tal-Pulizija u għalhekk saqsew min issa se jkun qed jieħu responsabbiltà ta’ dan id-delitt wara li  pajjiżna, reġa’ tilef mara sforz in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.