Internazzjonali

Il-Greċja: Poplu ddisprat fost l-akbar emerġenza tan-nirien

Eluf ta’ nies fid-diversi bnadi tal-Greċja, fil-preżent, qed jiffaċċjaw l-akbar emerġenza ta’ nirien għal snin. Dan meta l-fjammi li qabdu qalb il-foresti u t-territorju aħrax qed ikomplu jaffettwaw anki lis-subborgi ta’ Ateni….Is-sitwazzjoni, sadanittant, għadha waħda imprevedibbli  wara li l-pajjiż irreġistra l-ogħla livell ta’ sħana għax-xhur ta’ Ġunju u Lulju mindu bdew jinżammu r-rekords tat-temp.

ll-Gvern Grieg sadanittant qed ikompli jitlob l-intervent tal-iskwadri tal-firefighters minn barra l-pajjiż, bl-aħħar rapporti jikkonfermaw allert għall-evakwazzjoni tar-residenti mill-belt ta’ Nea Makri; magħrufa bħala resort popolari qrib il-baħar.

L-awtoritajiet fil-pajjiż qed jaħsbu wkoll li se jsibu numru mhux determinat ta’ vittmi b’kaġun tan-nirien li ilhom jaqbdu għal ġranet konsekuttivi. Dan wara li nstabet il-katavru ta’ mara f’ħanut li nqered min-nirien fil-belt ta’ Vrilissia, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Ateni.

Mill-bidu tal-ġimgħa, saret l-evakwazzjoni ta’ eluf kbar ta’ residenti minn diversi zoni peress li ammont sinifikanti ta’ djar, negozji u skejjel jinsabu taħt theddida diretta mill-fjammi.

Sadanittant,  l-arja madwar Ateni baqgħet iddominata mid-dħaħen kbar, għalkemm mistenni li l-viżibbiltà f’diversi bnadi tal-kapitali għandha tiċċara maż-żmien. Fil-fatt, fl-aħħar jiem, ir-residenti f’Ateni kellhom anki jilbsu l-maskli biex jipproteġu lilhom infushom mid-dħaħen li kienu qed jinfirxu qalb id-distretti tal-kapitali.

Il-membri tal-iskwadri għall-emerġenzi, huma u jkellmu lill-istampa, qalu li spiċċaw eżawriti minħabba s-sitwazzjoni ddisprata li qed tiżvolġi minn jum għal jum. Dan meta huma qed jippruvaw jikkontrollaw numru ta’ inċidenzi separati ta’ nirien – magħrufin bħala hotspots – aktar milli jikkonċentraw fuq zona partikulari li nħakmet mill-fjammi.

Filwaqt li t-theddida diretta għall-qalba ta’ Ateni mistennija tonqos fis-sigħat li ġejjin fadal ħafna nirien ‘lokalizzati’ fir-reġjun ta’ Attika li jinkludi l-ibliet ta’ Marathon u Penteli.

U l-esperti meteoroloġiċi qablu li l-kundizzjonijiet tat-temp għadhom ‘favorevoli ħafna’ għall-inċidenzi tan-nirien ġodda anki sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Grieg, waqt l-aħħar aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni tan-nirien, qal li madwar 1,000 firefighter, mal-200 fire engine flimkien ma’ għexieren ta’ ajruplani bit-tagħmir għall-waterbombing qed ikollhom sehem attiv fl-isforzi biex is-sitwazzjoni fil-Greċja tirritorna għan-normal.