Internazzjonali

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: Tikber is-sejħa biex l-Afrika tingħata l-istatus ta’ membru permanenti

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, sejjaħ biex l-Afrika tingħata siġġu permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni, bħala parti miir-riformi intiżi biex ipattu għall-inġustizzji storiċi.

Fil-preżent, il-ħames Stati-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà huma l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, ir-Russja u ċ-Ċina.

Madankollu, l-istruttura tal-Kunsill ilha suġġetta għall-kritika mill-entitjiet li jemmnu li l-Kunsill għadu jirrappreżenta r-realtajiet li kienu jeħistu lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija…Perjodu speċifiku meta l-parti kbira tal-kontinent Afrikan kien għadu taħt ħakma kolonjali.

Intant, Guterres qal li d-dinja nbidlet bil-kbir mill-1945 u li l-kompożizzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma żammitx il-pass ma’ dawn il-bidliet.

Dan meta l-għaxar Stati membri ‘mhux permanenti’ tal-Kunsill qegħdin jirrappreżentaw lir-reġjuni rispettivi u fejn – kuntrarju għall-ħames membri permamenti – mgħandhomx id-dritt tal-veto għad-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq dan il-livell.