Lokali

Byron Camilleri jibqa’ sieket fil-konfront tal-iskandlu f’Identità – PN

Il-Ministru Byron Camillrti jibqa' sieket u assenti

Il-Partit Laburista ġab lil pajjiżna wieħed mifni bil-korruzzjoni, il-frodi u l-ħasil tal-flus. Dan hu l-legat li ħalla Joseph Muscat u li Robert Abela kompla jsostni. Dan hu l-legat u l-wirt li l-Partit Laburista se jħalli warajh. U agħar minn hekk, għandek lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri bi skiet li jtarrax u assenti għal kollox.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Claudette Buttigieg wara li aktar kmieni llum il-Maġistrat tal-għassa aċċettat li tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-iskandlu tal-ID Cards.

Il-kelliema fakkru kif Identità ilha sentejn taf b’dawn l-abbużi u għalhekk, l-aċċettazzjoni ta’ din it-talba tikkonferma li, jekk minn Identità verament għaddew kollox lill-Pulizjia appena saru jafu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma għamel xejn. Fid-dawl ta’ dan, huma talbu li l-Inkjesta Interna li ta’ Identità qed jgħidu li saret tkun ippubblikata immedjatament.

Huma tennew li l-Gvern għandu jagħmel sistema fejn kulħadd ikun jista’ jiċċekja jekk hemmx nies oħrajn irreġistrati fil-propjetà fejn jgħixu. Jekk dan jibqa’ ma jsirx, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lil kull min għandu xi informazzjoni jew bżonn ta’ assistenza biex jikkuntattja lil xi Deputat tal-Partit Nazzjonalista biex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Il-kelliema tennew li hu ta’ tħassib kif dan l-iskandlu qed jaffettwa servizzi essenzjali u sensittivi immens, speċjalment meta n-nies saħansitra qed jirċievu kontijiet, appuntamenti u ittri minn servizzi importanti. Dan qed juri kif il-Gvern Laburista erra u fena pajjiż b’korruzzjoni mifruxa ma’ kullimkien.

Filwaqt li rringrazzjaw lill-Avukat Jason Azzopardi għall-ħidma tiegħu biex setgħet tinfetaħ din l-Inkjesta, il-kelliema qalu li min se jikkuntattja lill-Partit Nazzjonalista se jkun iggwidat biex l-informazzjoni tingħadda bla ħlas lill-Maġistrat, filwaqt li oħrajn jistgħu anke jagħmlu rapport lill-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Data.