L-inkursjoni tal-militar Ukren fir-Russja qed tirriżulta fil-kisbiet militari ġodda għat-truppi tal-President Volodymyr Zelensky….Dan meta l-militar Ukren, fl-aħħar sigħat, kien qed jokkupa mal-1,000 kilometru kwadru ta’ territorju fil-pajjiż tal-għadu u fejn anki kien qed jaħseb biex javvanza aktar ‘il ġewwa fl-artijiet tar-Russja.
U waqt li l-President Russu Vladimir Putin qed jinsisti li l-Ukrajna se jkollha tħallas prezz terribbli għal din l-offensiva, Zelensky wieġeb li r-Russi, issa, iridu jaċċettaw ir-realtà li l-gwerra waslet tassew ‘fuq l-għatba tagħhom’. Il-Mexxej Ukren kompla li l-kunflitt li r-Russi kienu bdew aktar minn sentejn ilu issa qed iħalli r-riperkussjonijiet kbar anki f’pajjiżhom.
Il-Gvern Ukren, fil-fatt, jemmen li l-offensiva tal-militar tiegħu fl-artijiet ta’ Putin kapaċi tqarreb it-tmiem tal-gwerra – u meta l-fatt li qed iċedu dejjem aktar għexieren ta’ suldati Russi qed iżid il-pressjoni fuq l-Uffiċjali tal-Kremlin f’Moska.
Min-naħa tiegħu, Putin qed jhedded li l-Ukrajna għandha tistenna ‘l-akbar reazzjoni possibbli’ mill-qawwiet ta’ pajjiżu. Dan waqt li Putin akkuża lit-truppi Ukreni b’li qed iwettqu ‘reati tal-gwerra’ fl-artijiet li qed jokkupaw u fejn, skont hu, qed jiżdiedu l-vittmi ċivili.
L-uffiċjali Russi issa fetħu ‘il fuq minn 400 xelter temporanju madwar ir-Russja….Xelters li qegħdin jilqgħu fihom l-għexieren tal-eluf tar-refuġjati Russi li kellhom jabbandunaw l-ibliet viċin il-fruntiera minħabba l-inkursjoni tal-militar Ukren li ilha għal diversi jiem.
Dan meta talanqas 200 refuġjat li ħarbu mir-reġjun ta’ Kursk waslu f’Moska — u fost stennija li jaslu fil-kapitali aktar mijiet ta’ refuġjati matul il-jiem li ġejjin.
Filwaqt li l-Ukrajna, mill-bidu tal-gwerra, kienet wettqet inkursjonijiet simili fl-artijiet tar-Russja li jmissu mal-fruntiera komuni, din hi l-ewwel darba li inkursjoni qed issir fuq livell ta’ offensiva kbira u li fiha qegħdin jieħdu sehem il-mijiet kbar tas-suldati.
//= $special ?>