Knisja Lokali

L-innu tal-Ġublew tat-Tama bil-Malti

Il-Knisja f’Malta u f’Għawdex qed tippubblika l-verżjoni bil-Malti tal-innu uffiċjali tal-Ġublew tat-Tama bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’. Dan hekk kif matul is-sena d-dieħla, il-Knisja u n-Nisrani huma msejħa jkunu sorsi ta’ tama, għaqda u mogħdrija fil-komunitajiet tagħhom.

L-innu oriġinarjament inkiteb bit-Taljan mill-Prof. Pierangelo Sequeri, bil-mużika tas-Surmast Francesco Meneghello, bit-temi tal-ħolqien, il-fraternità, it-tjieba ta’ Alla u t-tama. It-test inqaleb għall-Malti minn Francesco Pio Attard u kantat mill-Kor tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Bi preparazzjoni għall-Ġublew, il-Papa Franġisku ppubblika l-Bolla Spes non confundit, li ġiet tradotta wkoll għall-Malti. Din hi l-ewwel darba fl-istorja li t-traduzzjoni Maltija ta’ dokument tant importanti tal-Papa ġiet ippubblikata fuq is-sit uffiċjali
tas-Santa Sede.

Il-Papa Franġisku esprima x-xewqa li l-Ġublew ikun għal kulħadd “mument ta’ laqgħa ħajja u personali mal-Mulej Ġesù, ‘bieb’ tas-salvazzjoni; miegħu, li l-Knisja għandha l-missjoni li xxandar dejjem, kullimkien u lil kulħadd bħala t-‘tama tagħna’”. Dan jista’ jsir permezz ta’ pellegrinaġġ mhux biss fiżiku iżda wkoll pellegrinaġġ spiritwali profond, bl-għajnuna wkoll ta’ opri tal-ħniena, talb u riflessjoni.

Il-Ġublew tat-Tama jibda uffiċjalment f’lejlet il-Milied li ġej, waqt li fid-djoċesijiet kollha madwar id-dinja se jibda fid-29 ta’ Diċembru 2024. L-awdjo, il-lirika u l-partitura mużikali tal-innu tal-Ġublew tat-Tama bil-Malti huma aċċessibbli minn fuq il-website tal-Ġublew iubilaeum2025.va. Il-filmat bit-test tal-innu
hu aċċessibbli fuq il-YouTube channel tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.