Internazzjonali

L-Iran: Jiċħad it-talbiet tal-Punent biex ma jattakkax lil Iżrael

L-Iran qed ‘jinjora biċ-ċar’ it-talbiet tar-Renju Unit u ta’ pajjiżi oħra tal-Punent biex ma jwettaqx attakk kbir fuq Iżrael…Attakk li suppost għandu jsir bħala ritaljazzjoni għall-qtil, ix-xahar li għadda, tal-Kap tal-Ħamas Ismail Haniyeh li spiċċa eliminat minn missila fil-qalba ta’ Tehran.

Filwaqt li Iżrael qatt ma ħa responsabbiltà għal dan il-qtil, ir-reġim Iżlamiku Iranjan hu determinat li l-Iżraeljani jħallsu għall-‘attakk sfaċċat fuq arthom’. Fl-istess ħin, l-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, qed jiċħad l-isforzi diplomatiċi intiżi biex tonqos mit-tensjoni u meta hemm kull possibbiltà li r-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani jinħakem min-nirien tal-kunflitt.

Il-Prim Ministru Britanniku,  Keir Starmer, waqt telefonata rari lit-Tmexxija f’Tehran, ħeġġeġ lill-President Iranjan, Masoud Pezeshkian,  biex pajjiżu ma jkomplix bit-theddid dwar attakk militari fuq Iżrael. Iżda Pezeshkian wieġeb li, f’din is-sitwazzjoni. ‘l-Iran mhux talli għandu d-dritt għal ritaljazzjoni (kontra Iżrael) iżda hu wkoll fid-dmir li jirrikorri għal azzjoni li i tevita r-reati fil-futur kontra l-Istat Iżlamiku’.

Min-naħa tiegħu, il-militar Iżraeljan jinsab fuq l-ogħla livell ta’ allert f’dawn iċ-ċirkustanzi perikolużi.

Dan waqt li l-Istati Uniti qed tħejji għal ‘sensiela ta’ attakki sinifikanti’ fuq Iżrael min-naħa tal-Iran u l-gruppi tal-militanti madwar ir-reġjun li huma sponsorjati minn Tehran…Attakki li kapaċi jsiru minn din il-ġimgħa stess u fi żmien meta l-Amerikani qed iżidu l-preżenza militari fil-Lvant Nofsani bħala protezzjoni ‘addizzjonali’ għall-Iżraeljani.