Internazzjonali

L-UGANDA: Kollass ta’ miżbla tħalli tal-anqas 24 persuna mejta

Tal-anqas 24 persuna tilfu ħajjithom traġikament wara kollass ta miżbla f’Kampala, il-belt kapitali tal-Uganda.

Rapporti internazzjonali qalu li x’aktarx il-kollass sar kaġun ta xita qawwija bl-awtoritajiet ta’ Kampala qalu li kien hemm ukoll falliment strutturali bil-massa tal-iskart.

Irene Nakasiita, rappreżentanta mis-Salib Aħmar tal-Uganda qalet li sfortunatament m’hemm l-ebda tama li jiġu salvati aktar nies ħajjin u li s’issa għadu ma ġiex stabbilit in-numru ta’ nies li għadhom nieqsa.

Il-miżbla hija magħrufa bħala l-Miżbla Kiteezi u minkejja li kienet iddikjarata mimlija, għadha tirċievi mijiet ta’ trakkijiet tal-iskart. Normalment, ikun hemm ħafna nisa u tfal jfittxu l-plastik ħalli jbiegħu.

Intant, il-President tal-Uganda Yoweri Museveni ordna investigazzjoni sabiex ikunu jafu għalfejn ħafna nies kienu joqgħodu ħdejn il-miżbla.