Internazzjonali

L-Ukrajna u r-Russja jwaħħlu f’xulxin wara nirien f’impjant nukleari

Ftit tal-jiem ilu, kien hemm splużjoni f’impjant nukleari fil-belt ta’ Zaporizhzhia. Dan seħħ waqt l-aktar attakk sinifikanti Ukren matul din il-gwerra, hekk kif forzi Ukreni avvanzaw fuq 30 kilometri f’territorju okkupat mir-Russja.

Iż-żewġ naħat immedjatament bdew iwaħħlu f’xulxin bil-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelesnky qal li l-armati Russi kkaġunaw in-nirien dan filwaqt li l-Gvernatur ta’ Zaporizhzhia (installat mir-Russja) qal li kienu bombi Ukreni li laqtu l-impjant.

Fortunatament, ma kien hemm l-ebda impatt nukleari minħabba dan l-attakk, u n-nar intefa malajr.

L-impjant ilu okkupat mir-Russja mill-2022.

Intant, stqarrija minn aġenzija nukleari tan-Nazzjonijiet Uniti, l-IAEA qalet li duħħan iswed qawwi deher ftit wara l-isplużjoni. Waqt li ma kien hemm l-ebda ħsara nukleari, l-IAEA talbet aċċess immedjat għal cooling towers, sabiex tevaluwa l-impatt tal-isplużjoni.