Martin Azzopardi temm b’suċċess 170km bir-rota minn Pozzallo sa Ortigia u lura fejn permezz ta’ din l-attività ħeġġeġ familjari, ħbieb u anki kumpaniji jagħtu donazzjonijiet b’risq il-ħidma ta’ Caritas Malta.
Bħala parti mill-kampanja li torganizza Caritas Malta tat-3rd party events, individwi, kumpaniji, jew gruppi, eċċ… javviċinaw lil Caritas b’xi attività li jkunu se jagħmlu u Martin Azzopardi mħeġġeġ minn dan l-appell, għamel din l-attività fl-20 ta’ Lulju fejn permezz tar-rota għamel 170km f’ġurnata.
Għal din l-attività, Martin kien akkumpanjat mill-mara tiegħu Sandra, mid-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt u wkoll minn Sergio Sciberras, Damian Casapinta u Alex Mifsud, flimkien ma’ crew ta’ kollegi Katia Bezzina Nurse, Josef Vella, Frans Gauci u Kevin Farrugia li jsuqu l-ambulanzi miegħu. Dan il-crew kien essenzjali f’din l-attività għax peress li d-distanza ma kinetx waħda faċli minħabba temperaturi għolja u sħana tremenda, setgħu jaraw li Martin u ċ-ċiklisti l-oħra kienu qed jingħataw ammont ta’ ilma u nutrijenti oħra biex jibqgħu sana tul il-vjaġġ ta’ dawn il-170km.
L-elevazzjoni f’din id-distanza kienet ta’ 1100 metru minn Pozzallo sa Ortigia u lura għal Pozzallo.
Martin Azzopardi għandu 58 sena u jaħdem mal-ambulanzi ta’ Mater Dei. Fix-xogħol tiegħu jiltaqa’ ma’ ħafna nies fil-bżonn u jħoss li b’din l-inizjattiva ta’ maratona bir-rota bil-fondi li ġabar se jgħin lil dawk l-aktar fi bżonn kif ukoll b’din l-inizjattiva ħeġġeġ nies oħra biex jagħmlu bħalu.
Permezz ta’ din l-attività Martin irnexxielu jiġbor u jgħaddi lil Caritas Malta d-donazzjoni sabiħa ta’ €7445.
Id-direttur ta’ Caritas Malta rringrazzja lil Martin Azzopardi, lit-team tiegħu u lill-isponsor GO and Fun Isotonic Sport Drink li kienu ta’ sapport f’din l-attività li minbarra donazzjoni sabiħa, Martin kien ta’ ispirazzjoni għal persuni oħra li jistgħu jieħdu dan l-eżempju u jagħmlu xi inizjattiva b’risq il-ħidma ta’ Caritas Malta fis-soċjetà Maltija.
//= $special ?>