Lokali

Tinfetaħ inkjesta dwar l-iskandlu tal-ID cards

Permezz ta’ filmat fuq Facebook, l-avukat Jason Azzopardi spjega kif 13-il jum wara li għamel talba l-Qorti, il-Maġistrat tal-Għassa aċċettat it-talba tiegħu sabiex tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali rigward l-iskandlu tal-ID Cards – skandlu ta’ korruzzjoni, organizazzjoni kriminali, falsifikazzjoni ta’ dokumenti, kif ukoll ħasil ta’ flus.

Azzopardi semma b’isimhom xi persuni li huma nvoluti f’dan l-iskandlu.

Huwa fakkar li Identita’ ilha madwar sentejn taf b’dawn l-abbużi dan filwaqt li spjega li dwar dawn l-abbużi, qed iċemplulu diversi qraba ta’ nies li ma jkunux qegħdin jgħixu fid-dar tagħhom stess, u mill-għada jibdew jirċievu ittri ta’ barranin.

Hu kkonkluda billi għamel appell lill-pubbliku biex jekk huma jirċievu xi korrispondenza fid-dar tiegħu li hija ndirizzata lil barranin, huma għandhom jinfurmaw lil Maġistrat sabiex jinvestiga min seraq l-indirizz tagħhom.