Lokali

82 sena mill-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija

L-anniversarju tal-Konvoj ta’ Santa Marija għandu jfakkarna fl-istamina u l-kuraġġ li wera l-poplu Malti fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija; Maltin bħalna li flimkien mal-Forzi Brittaniċi taw ħajjithom jiġġieldu għar-rebħa.

Hekk stqarret il-President Myriam Spiteri Debono meta t-Tlieta mexxiet iċ-ċerimonja li permezz tagħha tfakkar dan l-anniversarju.

Kien fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija meta Malta kellha bżonn kbir ta’ ikel u ta’ mediċini. Din il-gwerra issa kienet ilha għaddejja erba` snin, u pajjiżna kien għad fadallu biss provvisti għal ftit jiem.

Lejn Malta kellhom jaslu 17-il bastiment. Iżda kienu biss ħamsa dawl li rnexxilhom jeħilsuha mill-qilla tal-għadu.

Il-vjaġġ ra serje ta’ attakki mill-ajru, fosthom minn 540 ajruplan, attakki minn sottomarini kif ukoll attakki minn fuq il-baħar.

L-għadu ried jeqred għal kollox din l-operazzjoni hekk kif kien konxju li Malta kienet waslet fit-tarf, u lesta li ċċedi jekk ma tasalx għajnuna mill-alleati.

Lejliet Santa Marija il-poplu dar ghat-talb lejn Sidtna Marija. U fl-14 tax-xahar tal-1942 deher il-Konvoj ‘Operation Pedestal’ dieħel fil-Port il-Kbir.