Internazzjonali

Gaza: Trabi tewmin maqtula minn attakk Iżraeljan

Attakk Iżraeljan f’Gaza wassal biex trabi tewmin inqatlu. Dan seħħ fl-istess waqt meta missierhom kien qiegħad f’uffiċċju tal-Gvern Palestinjan sabiex jirreġrista t-twelid tat-tfal tiegħu.

Asser u Ayssel kienu ilhom ħajjin erbat ijiem biss, meta missierhom Mohammed Abu al-Qumsan mar biex jirreġistra u jiġbor iċ-ċertifikati tat-twelid tagħhom.

Waqt li kien qed jiġbor dawn id-dokumenti, Abu al-Qumsan ġie infurmat li d-dar tiegħu ġiet ibbumbardjata.

Dan l-attakk wassal biex Mohammed Abu al-Qumsan jitlef lil martu, kif ukoll lill-kunjata tiegħu.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza immexxi mill-Hamas saħqu li matul din il-gwerra kien hemm mal-115-il tarbija li kienu għadhom kif twieldu u li dawn spiċċaw inqatlu. S’issa matul din il-gwerra inqatlu aktar minn 39,790 Palestinjan.

L-Armata Iżraeljana għadha ma kkumentatx dwar dan l-attakk.