“L-Istat għandu bżonn isaħħaħ l-operat tiegħu dan bil-għan li naħdmu biex nevitaw aktar imwiet marbuta ma’ vjolenza abbażi tal-ġeneru”.
Dan saħqu fuq il-midja soċjali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif spjega li wara li ltaqa’ ma’ Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li huma fil-Kumitati tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja qablu li hemm bżonn isir ħafna xogħol, miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Dan bil-għan li jiġi assigurat li dawn il-bidliet meħtieġa jsiru kemm jista’ jkun malajr sabiex is-sistema ma tibqax tfalli persuna wara l-oħra.
Bernard Grech spjega li tul il-jum tal-Erbgħa kiteb lill-Gvern fejn ġie mitlub biex il-Kumitati tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja jiltaqgħu kemm jista’ jkun malajr biex l-istakeholders jingħataw widen.
Dan filwaqt li saħaq dwar il-bżonn li b’mod konġunt għandha tittieħed azzjoni sabiex flimkien jiġi assigurat li l-Awtoritajiet ikunu jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom bil-għan li dawn it-traġedji jiġu evitati.
Bernard Grech temm jgħid li mhux biżżejjed li sempliċiment jiġu mibdula l-liġijiet iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq dwar il-bżonn ta’ implimentazzjoni u infurzar.