Kollox jindika li d-Deputat tal-Labour mhux se tħallas il-ħlas lura
Kollox qed jindika li d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar m’għandha l-ebda intenzjoni la li tagħmel apoloġija pubblika u wisq inqas tirritorna l-flus li kisbet mill-impjieg ta’ konsulenza mal-ITS; impjieg ikkundannat mill-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali lura f’Novembru tal-2023.
Dan wara li minkejja d-diskors tal-Prim Minsitru Robert Abela, ċioè li seħbitu fuq l-istess distrett elettorali kellha tagħmel apoloġija biex tirritorna lura fi ħdan il-Labour…. Abela kellu jċedi.
Ftit tal-jiem ilu sar magħruf li Robert Abela baxxa rasu quddiem il-pressjoni tal-klikka ta’ Joseph Muscat; b’Rosianne Cutajar titrijonfa fuq il-Mexxej tal-Labour.
Iżda bosta qed jistaqsu x’inbidel biex Cutajar daħlet lura mal-Partit Laburista; diversi għadhom qed jistennew l-apoloġija pubblika, oħrajn jistaqsu għal min kienet qed tirreferi meta qalet ma’ Yorgen Fenech li kulħadd kien qed jitħanżer, u jekk ħalsitx l-eluf ta’ ewro li rċeviet mill-impjieg ikkundannat mill-NAO – impjieg ta’ konsulenza mal-ITS meta Konrad Mizzi kien għadu Ministru tat-Turiżmu.
B’rabta ma’ dan kollu l-Erbgħa filgħodu saqsejna lid-Delegat Specjali tal-Labour Jason Micallef, jekk Rosianne Cutajar raditx lura dawn il-flus jew le għal dan ix-xogħol illi evidenza li wetqitu m’hemmx….b’Micallef jistieden lil Net News jara sew x’qal l-Awditur Ġenerali.
Lura f’Novembru l-NAO kien ikkonkluda li l-ħtieġa għall-ingaġġ ta’ Cutajar fl-ITS ma nstabet fl-ebda sors, u li dan kien impjieg fażull imħallas minn fondi pubbliċi.
Ġie spjegat li Minkejja li l-NAO talab kemm-il darba għall-informazjoni, qatt ma nstab għaliex dan il-job kien meħtieġ – u lanqas ma nġiebet għall-attenzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, minkejja l-obbligu fil-liġi għall-involviment tiegħu f’materji bħal dawn.
Fost il-ħafna dubji, ineżattezzi u skorrettezzi misjuba mill-NAO kien intqal ukoll li Cutajar ma kelliex l-għarfien meħtieġ għal dan l-impjieg, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ funzjonijiet ta’ natura finanzjarja u legali. Ħaġa oħra li ġiet innotata kienet…in-nuqqas assolut ta’ evidenza ta’ ħidma minn Cutajar bħala konsulent…li ċertament jitfa’ dubju fuq x-xogħol li sar. Bl-NAO jiddeskrivi l-ħidma ta’ Rosianne Cutajar bħala waħda fqira, li taggrava t-tħassib dwar negliġenza; f’dak li l-istess Awditur iddeskriva bħala impjieg fażul imħallas minn flus il-poplu.
Lura f’Novembru tas-Sena l-oħra Cutajar kienet baqgħet tisħaq li l-Awditur kellu żball, u li hi għamlet ix-xogħol mitlub minnha.
Intant, Net News staqsa wkoll lill-Ministru Clayton Bartolo x’jaħseb dwar l-eks Segretarju Parlamentari Laburista u kif spiċċaw iddeċidew li tirritorna. Bil-Ministru joħroġ għonqu għal Cutajar iżda ma kienx jaf iwieġeb jekk tatx lura l-flus – li jammontaw għal madwar €19,000 f’konsulenzi.
L-NAO kien spjega li fl-2019, minn konsulenzi u pożizzjonijiet varji mal-Gvern, Cutajar kienet daħlet aktar minn €88,000. Dan ifisser li ma kinitx iddikjarat fil-Parlament ftit aktar minn €14,000.
//= $special ?>