Lokali Temp

Matul ix-xahar ta’ Lulju t-temperatura kienet ogħla mis-soltu; mistenni temp mill-isbaħ għal Santa Marija

Ix-xahar ta’ Lulju ħalla l-uċuħ tar-raba’ kompletament bil-għatx mhux biss għax matulu ma kienet imkejla l-ebda xita, iżda anke għax it-temperaturi kienu ogħla minn norma klimatika. Fil-fatt, it-temperatura medja matul ix-xahar li għadda kienet dik ta’ 28.5°C, jiġifieri 1.6°C aktar mill-medja.

Minkejja t-temperaturi għolja u x-xemx taqli l-ankri, f’Lulju ma kienet irreġistrata l-ebda mewġa ta’ sħana, għall-kuntrarju ta’ Lulju tas-sena li għaddiet li ġab miegħu mewġa ta’ sħana ta’ għaxart ijiem u tniżżel bħala l-aktar xahar sħun fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku.

L-aktar jum sħun matul ix-xahar li għadda kien il-21 ta’ Lulju meta t-temperatura telgħet għal 37.9°C. L-ogħla temperatura qatt imkejla matul dan ix-xahar kienet dik ta’ 42.7°C f’Lulju tal-1988 u f’Lulju tas-sena li għaddiet. L-inqas temperatura matul ixxahar li għadda niżlet għal 20.2°C fis-sitta ta’ Lulju.

Ix-xemx sajfija li jafu joffru l-Gżejjer Maltin ma naqsitx. Lulju li għadda kien iżjed xemxi min-norma klimatika. Matul ix-xahar tkejlu 384 siegħa xemxija, jiġifieri aktar minn 15-il siegħa iżjed min-norma klimatika.

Il-baħar ukoll saħan iżjed malajr mis-soltu, bit-temperatura medja f’wiċċ il-baħar matul ix-xahar ta’ Lulju kienet dik ta’ 26.9°C, jiġifieri kważi 2°C ogħla min-norma.

Il-Gżejjer Maltin mistennija jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija b’temp xemxi u sħun.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku diġà għandu fis-seħħ twissija biex il-pubbliku jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji minħabba t-temperaturi għolja. Fil-fatt, nhar il-15 ta’ Awwissu qed nistennew temp xemxi b’temperatura li tilħaq il-35°C filwaqt li l-inqas tinżel għal 25°C, temp perfett għas-seba’ lokalitajiet li se jkunu qed jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.

L-għada, il-Ġimgħa 16 ta’ Awwissu, it-temp mistenni li jkun simili, b’temperaturi grad ogħla mill-ġurnata ta’ qabel. Minkejja xi ftit sħab għoli matul il-ġranet tas-Sibt u l-Ħadd, it-temp se jibqa’ sħun u l-ebda għarixa ta’ Santa Marija ma hi mistennija li tagħtina xita.