NEPTUNES VIDEOSLOTS……… 12
SLIEMA FRANK SALT……………. 12
(1-3), (2-2), (4-5), (5-2)
(Neptunes rebħu 7-6 bl-għoti tal-penalties)
Neptunes Videoslots sfurzaw il-logħba deċiżiva għal min se jilgħab il-finali tal-play-off għar-rebħ tal-kampjonat. F’logħba li kważi qatt ma kienu fil-vantaġġ, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u għadhom b’ċans li jirbħu l-kampjonat. Għal Sliema dan kien diżappunt hekk kif kellhom il-kontroll tal-logħba iżda krollaw fl-aħħar sessjoni.
Sliema kellhom l-aħjad bidu possibbli u ħadu vantaġġ ta’ 3-0 sakemm Stevie Camilleri naqqas id-distakk b’konklużjoni tipika tiegħu. Neptunes daħlu fil-logħba u naqqsu d-distakk għal 4-3 fit-tieni sessjoni iżda Giacomo Cannella żamm vantaġġ doppju qabel tmiem it-tieni sessjoni.
Neptunes irkupraw l-iżvantaġġ fit-tielet sessjoni iżda doppjetta ta’ Cannella żammet lis-Slimiżi 7-5 minn fuq. Neptunes baqgħu qrib l-avversarji iżda gowl sabiħ mis-centre ta’ Liam Galea u gowl ieħor ta’ Dino Zammit fissru vantaġġ ta’ tliet gowls għal Sliema.
Madankollu fl-aħħar sessjoni, Neptunes wettqu reazzjoni mill-aqwa u dawru żvantaġġ ta’ 11-9 bi tliet gowls konsekuttivi minn Dmitrii Kholod, Sam Gialanze u Jordan Camilleri. Sliema kellhom jilagħbu l-aħħar żewġ minuti mingħajr Cannella iżda xorta sfurzaw il-penalties b’gowl minn man-up ta’ Jayden Cutajar.
Fl-għoti tal-penalties, il-plejers kollha sabu x-xibka. Stevie Camilleri, Jake Muscat, Alec Fenech, Sam Gialanze u Dmitrii Kholod għal Neptunes u Dino Zammit, Andreas Galea, Liam Galea, Benji Cachia u Jayden Cutajar għal Sliema. Fit-tieni rawnd, Camilleri u Zammit skorjaw is-sitt penalty għat-tim tagħhom, Muscat skorja għal Neptunes iżda Andreas Galea tilef l-okkażjoni wara li ma xxutjax mill-ewwel wara t-tisfira tar-referee Peter Balzan.
Neptunes: A. Borg Cole, D. Kholod (4), S. Gialanze (2), G. Pace, J. Camilleri (1), L. Mallia, S. Camilleri (3), M. Castillo, J. Muscat (1), J. Bajada, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja
Sliema: N. Grixti, E. Schembri, L. Galea (2), J. Gambin, G. Cannella (4), B. Cachia (1), J. Cutajar (1), D. Rizzo, S. Engerer, A. Galea (1), Z. Mizzi, D. Zammit (3), M. Castillo, J. Cassar
Referees: Peter Balzan, Stefano Pinato
SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 14
SIRENS BUILD FITNESS……….. 7
(3-1), (4-1), (6-3), (1-2)
San Ġiljan JP Projects għamlu dak mistenni minnhom u aċċertaw minn post fil-finali tal-play-offs. Konfront li fih il-Ġiljaniżi kkontrollaw u b’hekk pattew xi ftit għad-diżappunt li kellhom fil-finali tan-knock-out is-Sibt li għadda. Fuq in-naħa l-oħra ntemm l-istaġun ta’ Sirens.
L-uniku darba li Sirens kienu fil-vantaġġ kien fil-bidu sakemm gowls ta’ Aaron Younger u doppjetta ta’ Nikolai Zammit taw vantaġġ ta’ 3-1 lil San Ġiljan. Zammit skorja doppjetta oħra fit-tieni sessjoni u għen lill-Ġiljaniżi jkabbru l-vantaġġ għal 6-1, b’Younger iwieġeb għall-gowl ta’ Daniil Merkulov.
San Ġiljan neħħew kull dubju mir-riżultat fit-tielet sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi u kabbru l-vantaġġ għal 10-2. Minn hemm Sirens stejqru ftit u naqqsu d-distakk għal 11-5 sakemm Matthew Zammit u Nikolai Zammit żammew distakk notevoli. L-uniku konsolazzjoni għal Sirens kienet li rebħu l-aħħar sessjoni.
San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (4), M. Zammit (1), J. Bonavia, J. Zammit (4), J. Abela (5), N. Zammit, D. Zammit, N. Schiavone, G. Borg, G. Bonavia
Sirens: M. Bonello DuPuis, P. Serracino, J. Chircop, P. Borg, J. Cachia (1), K. Agius, D. Merkulov (2), I. Riolo, J. Zerafa Gregory, G. Farrugia (1), M. Sciberras (3), M. Azzopardi, J. Parnis, M. Ortoleva
Referees: Ronnie Spiteri, Francesco Romolini
//= $special ?>