Lokali

Premiere f’Malta għal adattament ġdid tad-dramm klassiku ta’ Ibsen Peer Gynt

L-adattament innovattiv minn Brad Birch ta’ Peer Gynt ta’ Henrik Ibsen, b’Joseph Zammit fil-parti ewlenija, se jitnieda f’lejla teatrali urġenti u epika.

Il-premiere dinji tal-adattament ġdid tad-dramm klassiku Peer Gynt ta’ Henrik Ibsen se jittella’ f’Malta, fi Spazju Kreattiv f’Settembru li ġej.

Dan ix-xogħol teatrali ġie adattat mid-drammaturgu ċelebri Brittaniku Brad Birch, li aċċetta l-kummissjoni mingħand il-produttur Adrian Buckle bil-kundizzjoni li l-parti prinċipali tinħadem mill-attur rispettat Joseph Zammit. Huwa adattament modern li joffri perspettiva eċitanti u kontemporanja lejn din il-ġrajja ta’ bla żmien, waqt li jesplora temi topiċi bħalma huma l-isfruttament mill-pajjiżi tal-Punent, il-kriżi tal-migrazzjoni, l-identità u r-redenzjoni.

Bis-sehem ewlieni ta’ Zammit u direzzjoni ta’ Chris Gatt, il-kast eċċellenti u mżewwaq ta’ Peer Gynt jinkludi wkoll lil Pia Zammit, Mikhail Basmadjian u Stephen Oliver, flimkien ma’ bosta ismijiet magħrufa oħra. Id-dramm mogħni wkoll b’tim kreattiv eċċezzjonali, bid-disinn tas-sett f’idejn Romualdo Moretti, kostumi ta’ Liliana Portelli u moviment minn Chakib Zidi.

Peer Gynt huwa fost l-aktar drammi magħrufa u mifruxa tad-drammaturgu Norveġiż Henrik Ibsen. Oriġinarjament huwa dramm versifikat f’ħames atti li nkiteb fl-1867 u jiddokumenta vjaġġ li jistħarreġ il-profonditajiet tal-esperjenza umana mil-lenti ta’ wieħed mill-aktar karattri interessanti tal-letteratura.

F’din il-ġrajja epika, Peer Gynt jitrabba fil-faqar wara li missieru jberbaq il-ġid kollu tal-familja u jabbandunahom. Peer jirrifjuta li joqgħod għal dan id-destin, u jerħilha fuq sensiela ta’ avventuri bit-tir li jsir sinjur, però dejjem jiġi lura għand ommu idu f’idu. Darba minnhom, wara waħda minn dawk l-eskursjonijiet, imur tieġ bla ma jkun mistieden u hemm jiltaqa’ ma’ Solveig – li setgħet tkun l-imħabba ta’ ħajtu – iżda minflok jaħrab mal-għarusa u jberbaq ir-rigali tat-tieġ f’ħajja xellerata qabel ma jabbandunaha. Hekk kif jiżgiċċa t-tentattivi biex jinstab, Peer jiltaqa’ mal-Mara l-Ħadra, bint ir-Re Troll, li joffrihielu għaż-żwieġ flimkien ma’ saltna jekk jaċċetta li jsir troll. Jirrifjuta u jiltaqa’ mal-Boyg, li jgħidlu x’għandu jagħmel biex jaħrab. Bħala kuntrabandist Peer jagħmel kemxa ġmielha, iżda fl-aħħar mill-aħħar jiġi ttradut u jispiċċa maħrub. Meta jiltaqa’ ma’ stranġier misterjuż, jirrealizza li dan mhu ħadd ħlief ix-xitan li ġie biex jeħodlu ruħu. Peer isalva ħajtu bi żbrixx u jingħata ċans ieħor – għad li ma jfissirx li se jieħdu.

“Peer Gynt isegwi l-ħajja u l-avventuri ta’ wieħed mill-akbar giddibin fl-Ewropa fi vjaġġ surreali u mqanqal, hekk kif jakkumpanja lil dan il-fantasist impulsiv hu u jogħla minn ħajja ta’ faqar rurali għal waħda oxxena ta’ ġid u poter,” spjega Brad Birch. “Iżda filwaqt li jibni l-fortuna tiegħu litteralment minn fuq dahar ħaddieħor, fl-aħħar mill-aħħar Peer se jkollu jaffaċċja l-baħħ profond u s-sens qawwi ta’ ħtija dwar l-għażliet tiegħu u jagħmel rendikont morali tagħhom. Waqt il-vjaġġi tiegħu, jiltaqa’ ma’ diversi persuni kif ukoll ma’ ħlejjaq sopranaturali bħat-trolls, il-Boyg u x-xitan innifsu. Imma l-identità tiegħu se jasal biex isibha? U jirnexxilu jsalva lilu nnifsu?”

Magħruf għax-xogħol teatrali innovattiv u li jqanqal il-ħsieb, kemm bħala drammaturgu u kif ukoll bħala kollaboratur regolari ma’ diretturi u atturi, Brad Birch huwa isem notevoli fid-dinja tat-teatru kontemporanju. Id-drammi ta’ Birch jisfidaw l-istrutturi u l-forom narrattivi konvenzjonali tat-teatru u jimirħu lil hinn mil-limiti tar-rakkuntar tradizzjonali. L-istil ta’ kitba tiegħu huwa uniku u jesplora temi kumplessi billi jidħol fil-fond tal-emozzjonijiet permezz ta’ karattri multidimensjonali u kredibbli li joffru rappreżentazzjoni awtentika u onesta tal-esperjenzi umani.

Peer Gynt ta’ Henrik Ibsen, produzzjoni ta’ Adrian Buckle u l-Malta School of Drama & Dance, ġie adattat minn Brad Birch u se jittella’ fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta fis-27, 28 u 29 ta’ Settembru u fl-4, 5 u 6 ta’ Ottubru fit-8pm. Din il-produzzjoni hija appoġġjata mill-Kunsill Malti għall-Arti. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn https://kreattivita.org/en/event/peer-gynt/