Lokali

S’issa għadu mhux ċar kif Johnston irnexxielu jidħol fl-appartament ta’ Nicolette Ghirxi

L-investigaturi li qed jaħdmu fuq il-każ ta’ Nicolette Ghirxi għadhom qed jipprovaw jistabbilixxu l-aħħar movimenti tal-Irlandiż Edward Johnston, hekk kif sa issa għadu mhux ċar x’ħin seħħ id-delitt u kif il-barrani irnexxielu jidħol fuq ġewwa tal-appartament tal-eks sieħba tiegħu.

Net News jinsab infurmat li l-Pulizija provaw jirrikorru għal cameras tas-CCTV li hemm fiz-zona – għalkemm dawn huma prattikament ineżistenti, minħabba li l-maġġoranza tat-triq fejn hemm l-appartament ta’ Ghirxi fis-Swatar għadha litteralment sit ta’ kostruzzjoni; b’xogħlijiet għaddejin fuq kull naħa.

Dan is-sit jinsab infurmat li anke fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-blokka mhemm ebda cameras tas-sigurtà.

Fuq barra tal-appartament il-Pulizija ma sabux sinjali ta’ żgass. Lanqas mhu ċar kemm dam l-Irlandiż fuq ġewwa ma’ Ghirxi qabel seħħ id-delitt.

Ħdejn il-katavru, instabu żewġ skieken.

Intant, il-Pulizija qed jinvestigaw il-bodycams tal-uffiċjali li kkonfrontaw lill-Irlandiż f’Paceville, wara l-lukanda Hilton. B’rapporti qed jindikaw li dak kollu li ġara fit-tliet sigħat ta’ negozjati mal-Pulizija ġie irrekordjat.

Iżda apparti l-isparatura kif żviluppat, l-enfasi primarja tibqa’ fuq il-mod kif ġew indirizzati r-rapporti persistenti li saru minn Nicolette Ghirxi – rapporti li kienu ilhom isiru minn April, iżda li l-Pulizija kienu qed jarawhom bħala “ta’ riskju baxx”.

Il-biża’ ta’ Nicolette Ghirxi eskalat meta Johnston irritorna Malta nhar il-Ħamis li għadda. Dwar dan, il-Pulizija ma’ għamlu xejn.

Isem Edward Johnston fil-passat kien marbut ma’ każ ta’ theddida ta’ bomba fi Glasgow, u anke każ separat li fih ikkonfronta l-Pulizija f’Liverpool – anke dakinhar, b’arma falza.