Lokali

SKANDLU IDENTITÀ: Uħud mill-ID Cards kienu dduplikati

“L-iskandlu tal-Karti tal-Identità ilu għaddej tal-anqas mill-2015 u dan l-iskandlu jinkludi wkoll Karti tal-Identità li ġew dduplikati.”

Dan ġie żvelat l-Erbgħa filgħaxija mill-Avukat Jason Azzopardi waqt il-programm ‘Perspettivi’ fejn propju spjega kif sar jaf li għaddej dan l-iskandlu fl-aġenzija Identità.

Apparti minn hekk, matul din id-diskussjoni Jason Azzopardi żvela aspett ġdid minn dan l-iskandlu hekk kif waslitlu informazzjoni li kien hemm persuni li kellhom l-ID Card tagħhom idduplikata. U allura dan ifisser li kien hemm nies barranin li spiċċaw mhux biss b’indirizz ta’ ħaddieħor iżda anke b’numru ta’ Identità ta’ ċittadin Malti.

Jason Azzopardi spjega kif tfajla ta’ 15-il sena rċiviet appuntament mill-Isptar Mater Dei minħabba marda serja. Bl-omm tiskopri li din il-persuna li kienet qed tuża n-numru ta’ din it-tfajla ilha tmur għall-appuntamenti sa mill-2020.

Dan meta fil-verità it-tfajla propja li għandha dan in-numru tal-Identità ma tbati mill-ebda kundizzjoni serja.

L-Avukat Jason Azzopardi spjega kif kien ilu jiġbor l-informazzjoni għal dawn l-aħħar tliet xhur, filwaqt li fakkar li l-aġenzija ilha taf b’dan ir-racket tal-anqas minn Ottubru tal-2022. Huwa qal ukoll li l-barranin li kisbu Karta tal-Identità ġejjin kollha barra mill-Ewropa bl-għan aħħari jkun sabiex isibu impjieg fl-Unjoni Ewropea.

Jason Azzopardi saqsa għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa ma fetaħx Inkjesta Maġisterjali mal-mument li sar jaf b’dan l-iskandlu tal-ID cards.

Jason Azzopardi appella lill-pubbliku li jekk irċivew jew jirċievu ittra b’isem barrani fuq l-indirizz tagħhom għandhom jgħaddu din il-korrispondenza lill-Maġistrat li se jinħatar ftit tal-jiem oħra inkella wieħed mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista jew lill-Kummissarju tad-‘Data’.