“Falliment sistematiku tal-Istat – bżonn kbir ta’ riforma” – KNŻ
Fl-aħħar jiem li segwew il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi allegatament minn taħt idejn l-eks sieħeb tagħha waslu biex ir-rapporti ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu b’mod qawwi.
Numru ta’ persuni esperti fil-qasam li tkellmu ma’ Net News saħqu li hija xi ħaġa tajba li dawn il-każijiet jiġu rapportati u spjegaw li hija xi ħaġa normali li tali avveniment li ħasad pajjiż wassal għal reazzjoni ta’ dan it-tip. Madanakollu uħud spjegaw li hija ħasra kif ikollha sseħħ traġedja biex persuna tħoss il-ħtieġa li titkellem.
L-istess esperti qalulna illi minkejja li persuna tassoċċja l-vjolenza domestika bħala waħda li sseħħ minn raġel fuq mara, dan mhux dejjem ikun il-każ – b’niex li jaħdmu f’dan is-settur jappellaw biex jinkiser dan it-taboo darba għal dejjem u anke l-irġiel li sfortunatament isofru fis-silenzju ma jiddejqu xejn milli jirrapportaw każi fil-konfront tagħhom.
Dawk li tkellmu ma’ Net News insistew li l-vjolenza domestika mhux biss hija waħda fiżika imma anke mentali, waħda li tikkundizzjona l-aġir u l-imġieba tal-vittmi; il-ġurnata ta’ kuljum ta’ min ikun qiegħed iġarrab tali attitudni minn persuni oħrajn.
Intant, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħżagħ insista li l-mewt ta’ Nicolette Ghirxi hija xhieda tal-falliment sistematiku tal-Istat, b’mod partikolari tal-Korp tal-Pulizija. Il-KNŻ insista li hemm bżonn kbir ta’ riforma ħolistika f’dak li għandu x’jaqsam vjolenza abbażi tal-ġeneru – u filwaqt li appellaw għal framework legali b’saħħtu, insistew ukoll għal pjan ta’ riforma anke minn naħa tal-Korp immexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija.