Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara ġlieda fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu f’Paceville

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu seħħet ġlieda bejn grupp ta’ Kolombjani u Sirjani f’Paceville – ġlieda li ħalliet mill-inqas persuna waħda feruta serjament. Dan wara li wieħed mill-Kolombjani qala’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu, bil-feriti jolqtulu l-pulmun.

Il-ġlieda bdiet għall-ħabta tal-5:30 am fi Triq Santu Wistin, Paceville. B’wieħed mill-feruti, żagħżugħ ta’ 21 sena, mexa lejn lukanda fil-viċinanzi. Membri tal-forensika marru fil-post hekk kif il-lift ta’ din il-lukanda nstab mimli demm. Iżda jidher li dak li spiċċa ferut mhux residenti f’din il-lukanda.

Sorsi mid-Depot qalulna li b’kollox kien hemm tliet Kolombjani u tmien Sirjani involuti f’dan l-argument.

Il-ġlieda nqalgħet bejn grupp ta’ persuni, li kien jinvolvi ħaddiema fi tmiem ħidmiethom, u oħrajn.

Jirriżulta wkoll li żewġt irġiel oħra aggrediti f’dan l-argument kienu żewġ Kolumbjani ta’ 23 sena u ta’ 36 sena filwaqt li l-allegat aggressuri qegħdin jiġu identifikati mill-Pulizija.

Il-feruti ttieħdu l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għal aktar kura, fejn iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji, filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha u dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.