Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, li hu mmexxi mit-terroristi tal-Ħamas, qed jinsisti li nqatlu ‘il fuq minn 40,000 Palestinjan b’riżultat tal-azzjoni militari ta’ Iżrael li ilha għaddejja mindu t-terroristi wettqu l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fl-artijiet Iżraeljani…Azzjoni li ssarrfet fl-imwiet tal-mjiet taċ-ċivili, inklużi tfal.
Filwaqt li Iżrael qed jiċħad li l-ammont tal-vittmi f’Gaza hu daqshekk kbir, din iċ-ċifra, f’każ ta’ konferma uffiċjali, għandha titqies bħala ekwivalenti għal kważi tnejn fil-mija fost il-popolazzjoni tal-Palestinjani f’Gaza…Popolazzjoni li, qabel il-gwerra, kienet tammonta għal 2.3 miljuni.
L-istatistika qed tenfasizza aktar minn qabel l-impatt krudili ta’ dan il-kunflitt li, tul l-aħħar xhur, kompla jissarraf fl-imwiet tal-innoċenti.
Fl-istess ħin, l-analiżi bil-mezzi tas-satellita jindikaw li – mis-7 ta’ Ottubru il hawn — kważi 60 fil-mija tal-bini f’Gaza jew ġarrbu l-ħsarat kbar inkella nqerdu kompletament.
Fl-aħħar ftit xhur, il-belt ta’Rafah, lejn in-nofsinar ta’ Gaza, sofriet l-agħar impatt tal-kunflitt minn fost l-ibliet kollha f’dan it-territorju.
Sadanittant, u waqt li ċ-ċifri tal-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza ma jiddistingwux bejn ċivili u ġellieda tal-Ħamas, jidher li l-maġġoranza fost il-vittmi tal-gwerra identifikati huma tfal, nisa u anzjani.
Dan meta Iżrael, min-naħa tiegħu, qed jinforma lill-media li nqatlu ‘il fuq minn 15,000 terrorist tal-Ħamas mindu l-qawwiet tiegħy bdew l-offensiva kbira fuq il-bejtiet tal-Ħamas f’Gaza.
//= $special ?>