Serje ta’ emails żvelati fl-aħħar sigħat mit-Times of Malta jikkonfermaw li l-Pulizija ħallew lil Edward Jonhston jgħaddihom biż-żmien, sakemm hu spiċċa reġa’ ġie lura Malta u qatel lil Nicolette Ghirxi. Bl-avukat tal-vittma jinsisti li llum din il-mara għadha ħajja kieku l-Korp ħa azzjoni.
L-emails li ġew ippubblikati fuq is-sit tat-Times jikxfu kif l-Irlandiż kien kontinwament jinjora l-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-Pulizija. Tant li xi drabi spiċċa jgħidilhom li qiegħed Dubaj “biex ikompli jieħu tan”, u jhedded lill-Pulizija biex (jekk iridu) jikkuntatjaw lill-Interpol.
L-avukat ta’ Nicolette Ghirxi, Joseph Borda, insista li l-Pulizija misshom ħadu azzjoni fuq ir-rapporti ta’ fastidju.
L-istess avukat qed igiddeb ukoll lill-Kummissarju Angelo Gafà. Hu qed jinsisti illi mhux veru li l-mara ma riditx tipproċedi kontra l-Iralndiż; tant li meta tfaċċa lura Malta mal-ewwel irrappurtatu.
Dan seħħ ġimgħa ilu. Tliet ijiem wara, Ghirxi inqatlet mill-eks partner tagħha fl-appartament li kellha fis-Swatar.
Il-funeral ta’ Nicolette Ghirxi se jsir nhar is-Sibt li ġej.
Intant, anke l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca insistiet li fejn tidħol vjolenza fuq in-nisa, dak li sar s’issa mhux biżżejjed. “Jinħtieġ li ssir konsultazzjoni bejn kullħadd, l-awtoritajiet tas-sigurtà, tal-protezzjoni, tal-edukazzjoni, u l-organizzazzjonijiet tas-socjetà ċivili”, qalet l-eks President ta’ Malta.


